• Il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra Quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija 2015 u l-201 sena mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija.

    The Archbishop’s Homily

  • Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    10 ta’ Lulju 2015

    Eċċellenza, Onorevoli Prim Ministru, Onorevoli Ministri, Onor. Speaker, għeżież membri tal-Korp u b’mod speċjali dawk li qed jippreparaw biex jidħlu fil-Korp, nixtieq noffri riflessjoni qasira fuq frażi mill-Vanġelu li għadna kemm smajna. Huwa l-Vanġelu li fid-dinja kollha jinqara’ bħal-lum fil-knejjes Kattoliċi. Il-vers jgħid hekk: “Qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10, 16).

    Il-Mulej kien qed jipprepara d-dixxipli għall-konfront ma’ ambjent li mhux dejjem se jkun faċli u mhux dejjem se jilqagħhom. U din hija wkoll il-vokazzjoni ta’ kull membru tal-Korp tal-Pulizija. Nispera mhux qed ngħid għall-uffiċjali li għandhom l-esperjenza, u li wħud minnhom kelli l-privileġġ li niltaqa’ madwar għoxrin sena ilu fl-Akkademja meta bdejt ngħallem l-Etika. Dik kienet għalija esperjenza straordinarja li ma’ ninsa qatt.

    Nixtieq ukoll nagħti kelma ta’ kuraġġ lil dawk li qegħdin idendlu kushom mal-Korp tal-Pulizija billi jiddeċiedu liberament li jagħtu servizz lir-Repubblika ta’ Malta fil-Korp tal-Pulizija. Naħseb u nemmen li intom qed tagħmlu hekk b’għajnejkom miftuħa mhux biss għax għandkom bżonn impjieg, imma għaliex tridu tagħtu servizz lill-Pajjiż. Ir-Repubblika b’xi mod, qed tibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup, bħalma qal Ġesù. Dan għaliex inti ma tistax tevita l-konfront mal-kriminalità, b’mod speċjali meta tkun kriminalità organizzata.

    L-għaqal tas-sriep għandu żewġ aspetti. L-ewwelnett għaliex Ġesù juża’ din il-frażi stramba għalina, “Kunu għaqlin bħas-sriep”? Wieħed mill-għorrief tal-Knisja, Tertulljanu, jgħid li l-għaqal tas-serp huwa l-kapaċità li jaddatta, il-kapaċità wkoll li kull sena jibdel il-qoxra tiegħu, u jerġa’ jibda mill-ġdid. Hemm bżonn għalhekk li l-Korp, bl-għaqal tas-sriep, ikun kapaċi jġedded lilu nnifsu kontinwament, mhux biss fil-kapaċitajiet tiegħu, mhux biss fil-ħiliet tal-membri tiegħu, imma wkoll billi jiġġedded kontinwament fl-ideali għoljin tiegħu.

    Is-safà tal-ħamiem huwa dak li wieħed ifittex li jkun ta’ servizz għar-Repubblika b’mod l-iżjed diżinteressat: billi r-Repubblika jagħmlilha ġieħ, billi jkun fair ma’ kulħadd u jirrispetta d-dinjità ta’ kull bniedem, hu min hu, hi min hi. Mhuwiex ix-xogħol tagħkom li meta taraw il-liġi tinkiser, jew id-dinjità tal-bniedem imkasbra, torbtu jdejkom u tibqgħu tħarsu, imma intom mistiedna tkunu dejjem proattivi biex tiddefendu d-dinjità ta’ kull bniedem, hu min hu, hi kif inhi l-ġilda tiegħu.

    Intom imsejħin li tkunu ta’ eżempju kullimkien. Waħda mill-affarijiet li kienet timpressjonani meta bdejt ngħallem l-Etika, fis-snin disgħin, u s-sorsi tiegħi kienu l-codes of conduct ta’ diversi Korpi bħal tagħkom, kienet il-fatt li f’kull code of conduct ta’ kull korp tal-pulizija hemm l-esiġenza li l-pulizija, anke meta jkun bla uniformi, ikun bniedem ta’ ezempju, ta’ eżempju tajjeb, għax tista’ tkun ta’ eżempju ħażin. Din kienet tolqotni għax hija xi ħaġa li s-soċjetà ċivili għandha dritt titlob minn kwalunkwè professjoni ta’ leadership. Din l-esiġenza qiegħda hemm ukoll għall-Isqof.  

    Inħoss li għandi wkoll naqsam magħkom frażi oħra ta’ Ġesù, “Oqogħodu attenti mill-bnedmin” (Mt 10, 17). Evidentement mhux biex il-Korp tal-Pulizija jkun Korp ta’ paranoia totali iżda għaliex, l-ewwelnett, irridu noqgħodu attenti minna nfusna, mill-passjonijiet li ħafna drabi jirkbuna. Għalhekk irridu ngħassu fuqna nfusna biex inkunu tassew ta’ servizz.

    Nagħlaq billi nawgura li s-servizz tagħkom ikompli jispira fiduċja fil-membri tal-pubbliku. Li meta wieħed jara l-uniformi, ma’ jagħtix biss ir-rispett esterjuri, imma jħossu sigur fil-kumpanija ta’ ‘ħabib’. Evidentement il-kriminal mhux se jarakom bħala ħbieb. Ma tistax tevita li inti tirfes xi kallu jekk trid tagħmel id-dover tiegħek, imma importanti li tagħmel id-dover tiegħek taħt il-liġi.

    I promised a very short summary in English and this is it. The Lord Jesus, in today’s Gospel, suggests to his disciples that they be prudent as serpents because he is sending us out like sheep among wolves, and he is also inviting us to be pure, to be harmless as doves. Members of the Police Corps cannot avoid confrontation with crime and with hostile environments, and we are here today to ask the Lord’s protection. The Lord also talks about the guile of the serpents. The serpent, according to Tertullian, a Father of the Church, is wise and prudent because it adapts and every spring it changes its skin and starts again. The translation you have in the booklet talks about ‘cunning’. It is prudence and guile and wisdom to the tense situations and to be able to have the skills and the honesty to confront them. We cannot fight crime if you are a criminal; we fight crime if you respect the law.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Photocity, Valletta.

    www.photocitymalta.com