-
-
Nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall-impjegati li jaħdmu fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Caritas u t-Tribunal Ekkleżjastiku fid-Dar Qalb ta’ Ġesu, Santa Venera. L-impjegati nġabru għal mumenti ta’ talb, waqt li Patri Christopher Caruana O.P. wassal il-meditazzjonijiet għal waqt l-irtir. Fi tmiem l-irtir l-Arċisqof iċċelebra Quddiesa fil-kappella tad-Dar stess.
-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija tiegħu lill-impjegati tal-Kurja qal li aħna għandna għażla f’dan l-Avvent: li“b’umilta’ kbira nitolbu ħniena mill-Mulej.” Issuġġerixxa biex f’dan iż-żmien “nitolbu lil Alla sabiex imiss il-ġerħat tagħna u jfejjaqna.”
L-Arċisqof qal li min jaħdem fil-qrib mal-Isqof ma jistax ikun bla qalb, u waħda mit-tentazzjoni għal min jaħdem qrib l-Arċisqof huwa li jrabbi sens ta’ suppervja: “Alla huwa ħerqan li jerfagħna minn dak kollu li jweġġa’ lilna u lil ħaddieħor. Meta niġu akkużati mid-difetti tagħna aħna nistħu u nirrabjaw lejn min jakkużana.”
L-Arċisqof awgura li f’dan l-Avvent, “għandna jkollna l-umilta’ u l-kuraġġ li naraw għemil idejn Alla f’nofsna, ħalli b’hekk inqaddsu l-isem tal-Mulej.” “Lejlet il-bidu tal-Ġublew tal-Ħniena aħna u ngħarfu l-ħniena li għamel magħna l-Mulej, inqaddsu ismu u jkollna l-kuraġġ kbir li l-ħniena li rċivejna mingħandu naqsmuha bejnietna u mal-oħrajn”, temm jgħid l-Arċisqof.
-
-
Photos: Curia Communications Office