• Nhar it-Tnejn 23 ta’ Novembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna żar id-Dar tal-Knisja għall-Anzjani ‘Dar Sagra Familja’, in-Naxxar u ċċelebra Quddiesa b’radd il-ħajr fl-okkażjoni tat-22 sena anniversarju tal-ħidma f’din id-dar tal-Azzjoni Kattolika Maltija. L-Arċisqof iltaqa’ wkoll mar-residenti ta’ din id-Dar u bierek plakka kommemorattiva li tfakkar il-ħidma li saret mill-Azzjoni Kattolika matul is-snin.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna​

    Holy Family Home, Naxxar

    23 ta’ Novembru 2015

     

    Jiena nixtieq insellem u nirringrazzja lill-Azzjoni Kattolika Maltija tal-ħidma li wettqu f’din id-Dar. Insellem ukoll lill-għeżież residenti. Kemm nixtieq li l-preżenza tagħkom hawn tkompli tkun preżenza sabiħa, fejn issibu mhux biss l-amenities, il-kumditajiet li jistħoqqilkom, imma li din id-Dar tkompli tkun eżempju ta’ ospitalità akkoljenti u Nisranija. Jalla f’dan il-post, il-persuna umana tiġi rispettata fid-dinjità tagħha sal-aħħar għaliex dan huwa l-Evanġelju tal-ħajja li aħna l-Insara rridu nkunu xhieda tiegħu. Għalhekk, il-kwalità tas-servizz u l-kwalità tal-ambjent mhux dettal, imma huwa l-essenza tax-xhieda li aħna l-ħajja, li hija art u ambjent qaddis, quddiemha nneħħu l-qorq, nassiguraw li jibqa’ jkun ambjent dinjituż sal-aħħar.

    Nifhem li dan jirrikjedi ħafna ġenerożità u paċenzja mill-istaff. Ma nistax jien ma nsellmilkomx, għeżież membri tal-istaff, u nirringrazzjakom mhux biss tax-xogħol li tagħmlu imma talli aċċettajtu dik li jiena nħobb insejħilha vokazzjoni. Għax inti tista’ tidħol għax-xogħol u tgħid: ‘u iva, malajr jgħaddu s-sigħat, l-aqwa li fl-aħħar tax-xahar tidħol il-paga, xejn nieqes’. Inti tista tgħid hekk, u għandek dritt għal dak kollu li semmejt. Imma inti tista’ tgħid ukoll: ‘imma jien dawk is-sigħat li fihom se nkun qed nagħmel ix-xogħol u d-dover tiegħi, se nieħu pjaċir nagħti ħajti lil ħaddieħor f’dak l-ambjent’. Għax dak hu li jagħti togħma tajba lil kull ma nagħmlu, u hemmhekk ma tiġix il-kwistjoni tal-kwantità imma tal-kwalità.

    Omm tagħmel kull sagrifiċċji għal uliedha u x-xogħol ma tarahx. Tgħid ‘ajma’ u tgħid ‘uff’ imma tkompli tagħmlu għax dik l-imħabba tagħti togħma lil ħajjitha. Hekk ukoll il-missier. Jekk aħna fix-xogħol tagħna, inpoġġu l-melħ u d-dawl tal-ulied ta’ Alla, il-ħajja tagħna tkun sabiħa għalkemm mhux bilfors eħfef, imma tkun sabiħa. Ma jfissirx li ma jkollhiex it-toqol tagħha, il-frustrazzjonijiet tagħha, l-uġigħ ta’ ras tagħha – dawk ma nistgħux naħarbu minnhom, imma jkollha l-barka ta’ min dak li qed jagħmel qed jagħmlu bħala att ta’ mħabba.

    Jiena inberikkom u nirringrazzjakom, f’isem il-Mulej Ġesù.

     

     Charles J. Scicluna 

       Arċisqof ta’ Malta