L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għażiż Andrè, inti u tippreżenta ruħek biex tiġi sistitwit akkolitu, kont tqiegħed it-talba ta’ dan l-agħma minn Ġeriko: Ġesù bin David ikollok ħniena minni (Lq 18: 38). Din it-talba hija talba profonda għaliex l-agħma rrealizza din is-sitwazzjoni radikanti imma fehem ukoll li għandu bżonn il-ħniena t’Alla.

Għalih kienet għażla li jittallab il-karità. Il-karità saret is-sostenn tiegħu u Ġesù  jersaq lejh, hu u riesaq lejn Ġeriko. Ma jistax jarah, imma s-smigħ jgħin, għaliex dan l-agħma sema’ l-kotra ta’ nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara u qalulu li kien għaddej Ġesù  ta’ Nazaret (Lq 18: 36-37). Nistgħu ngħidu li l-laqgħa ta’ dan il-agħma ma’ Ġesù  tibda mis-smigħ, jisma’ l-folla,  imma wkoll il-kurżità  u jistaqsi x’ġara. Għall-grazzja t’Alla n-nies qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret.

Istintivament dan l-agħma li mhux qed jara, lil Ġesù jitolbu xi ħaġa iżjed minn flus, jitolbu l-ħniena; jkollok ħniena minni. U x’jiġri? Isib min ifixklu, bħalma aħna fit-triq tagħna wkoll insibu min ifixkilna. Dawk li kienu mexjin quddiem, bdew iċanfruh, isikktuh u r-reazzjoni ta’ dan l-agħma ta’ Ġeriko tgħallimna li għandna bżonn inkunu insistenti fil-ħajja spiritwali, fid-dlam tagħna li jkollna ngħaddu minnu;  imma hu aktar issekondah.

Issa mhux biss is-smigħ imma hija l-vuċi persistenti tiegħu, Bin David ikollok ħniena minni u Ġesù jieqaf u Ġesù jittrasforma lil din il-ġgajta li kienet ostaklu għall-agħma, ordna li jressquhulu quddiemu mhux iwaqqfuh milli jittama f’Ġesù.  Huwa Ġesù li jordna li jressquhulu quddiemu. Xi tridni nagħmillek? Imbagħad jgħidlu li jixtieq jara. “Li nara Mulej”, wieġbu l-agħmi (Lq 18: 41).   Għal dan l-agħma l-ħniena ta’ Ġesù kienet ukoll il-fejqan, fehem li Ġesù  seta’ jfejjaq imma l-fejqan għalih kienet esperjenza ta’ ħniena.

Illum nixtieq nirringrazzjaw lil Alla ta’ kemm -il darba ltqajna ma’ nies  u li fil-ħajja tagħna qalulna li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret, kemm fil-mumenti tad-dlam kif ukoll fil-mumenti tad-dawl. Għaddej Ġesù ta’ Nazaret. L-għażla ta’ dan l-agħma kienet bejn li jibqa’ jittallab u jara lil Ġesù għaddej, forsi jitolbu l-karità, imma mhux hekk.

Din iġġegħlna naħsbu, li aħna meta nersqu għall-ħniena qegħdin nersqu wkoll għall-fejqan. Niftħu dak kollu li huwa mudlam fil-qalb tagħna u nperċuh għax-xemx tal-ġustizzja għaliex meta nitolbu l-ħniena lill-Mulej qegħdin nitolbuh ukoll il-fejqan. Ġesù jaċċetta li lil dan l-agħma,  jagħtih il-possibilità li jara. Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 18:42).

Il-fidi hawnhekk hija fiduċja imma anke l-għatx li jiltaqa’ ma’ Ġesù l-feddej tiegħu, t-tabib tar-ruħ tiegħu u minnufih beda jara. F’dan il-każ, l-Evanġelju jinsisti li dan l-agħma li beda jara sar għalih kollox u baqa’ miexi warajh, speċi ta’ ċertifikat tal-qawwa ta’ Ġesù bħalma nixtiequ nkunu aħna lkoll. Niftakru li Lazzru wara li Ġesù qajmu mill-imwiet spiċċa arma wkoll ta’ min ried joqtol lil Ġesù  għax qalu: noqtlu lil Lazzru, noqtlu wkoll lil Ġesù għax dan xhud skomdu tal-qawwa ta’ Ġesù (Ġw. 12: 9-11).

Dan jgħallimna nkunu xhieda wkoll tal-qawwa ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna, li niltaqgħu ma’ min jafna tassew, jirrealizza kif inhi l-qawwa ta’ Ġesù, kemm hi kbira l-ħniena tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu (Lq 1:50).  Baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla. B’xi mod din il-frażi tiġbor ukoll il-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna li aħna nimxu wara Ġesù u nagħtu glorja lil Alla, mhux lilna nfusna jew lill-bnedmin ta’ din id-dinja. Kultant niltaqa’ ma’ gruppi li  jbikkuni għax iffissati fuq xi persuna. Qaddisa kemm tkun qaddisa l-aħwa, inti imxi wara Ġesù u agħti glorja lil Alla mhux lill-bnedmin. Hawn fostna li nippretendu li jkollna l-glorja tal-bnedmin, l-ikbar glorja hi lil Alla waħdu,  l-glorja, lilu, lil ismu u jiena nitlob li anke l-poplu li jiltaqa’ magħna jkollu r-reazzjoni tal-poplu li ra dak li ġara u beda jfaħħar lil Alla.

Jalla kull min jiltaqa’ magħna skont il-vokazzjoni tagħna, seminarista, saċerdot, isqof, raġel miżżewweġ, omm, ġuvni, tfajla, ħaddiem, jalla kull min jiltaqa’ magħna jirrealizza kemm għamel magħna ħwejjeġ kbar u allura jfaħħar lil Alla. Aħna ħafna drabi nsewdu qalbna u nagħmlu sew meta min jiltaqa’ magħna mingħajr raġuni jew oħra jsewwed qalbu u kultant jeħel magħna hu wkoll. Imma din it-talba li nagħmel fuq kull wieħed u waħda minnkom li jiltaqa’ magħna u jagħraf il-ħniena li Alla wera magħna jkollu għaliex ifaħħar lil Alla.

Għażiż Andrè, inti llum u tiġi sistitwit akkolitu, nawguralek li tifhem li akkolitu huwa wieħed li jsegwi u allura tkun tista’ timxi wara Ġesù  skont it-triqat li jurik il-Mulej fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja u li tagħti glorja lil Alla, imma inti wkoll se tkun isservi l-altar mill-qrib. L-artal huwa sinjal ta’ Ġesù  stess li sar vittma għalina, sar saċerdot u sar altar għax hu stess bih innifsu sar is-salvazzjoni tagħna. Il-qalb tiegħu offerta għalina, minfuda għalina hija ħajt ta’ kenn. Jalla minn fuq dan l-altar, inti u taqdi lill-poplu t’Alla, tirċievi l-barka għalik innifsek u għall-poplu għażiż tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Mak 1:10-15,41-43,54-57,62-64
Salm: 118 (119):53,61,134,150,155,158
L-Evanġelju: Lq 18:35-43