-
-
Il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju 2015, Il-Kummissjoni għall-Pastorali mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa, b’kollaborazzjoni mal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta, organizzat forum bit-tema, ‘L-Etika fuq il-Post tax-Xogħol’, fl-Isptar Mater Dei. L-Arċisqof wassal ukoll il-messaġġ tiegħu marbut ma’ din it-tema. Diversi professjonisti u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa attendew għal dan il-Forum.
The Archbishop’s Message
-
-
Sptar Mater Dei
29 ta’ Mejju 2015
Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom. Nawgura li intom rapreżentanza valida ta’ mijiet ta’ health carers, u allura napprezza ħafna iżjed il-preżenza ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Insellem b’mod speċjali wkoll iċ-Chaplaincy team li huma preżenza tassew għażiża.Ġibt miegħi t-traduzzjoni bil-Malti ta’ wieħed mill-aħħar dokumenti li ħareġ il-Papa Franġisku dwar il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena. Il-Bolla tal-Indizzjoni ta’ dan il-Ġublew jisimha Misericordiae Vultus, il-Wiċċ tal-Ħniena. Inħoss li din l-espressjoni hija wkoll il-vokazzjoni tagħkom għaliex fil-professjoni tagħkom intom tridu turu wiċċ uman, u mhux biss par idejn jew inkella ħiliet (skills), imma wiċċ uman.Jiena naħseb u nemmen, kif diġa ntqal, li parti importanti mit-terapija hija propju l-wiċċ uman tal-health carer; wiċċ uman li jwassal il-ħniena li mhijiex biss sentiment ta’ mogħdrija imma ta’ solidarjetà.Meta nużaw il-kelma ‘kompassjoni’ qegħdin nifhmu wkoll il-kapaċità li wieħed jifhem, bħalma qal il-Profs. Agius u anke l-kelliema u intom stess. Importanti li aħna nħossu u nifhmu minn xiex għaddej il-pazjent.L-ewwel apppell tiegħi huwa li intom qatt ma titilfu d-don speċjali li għandkom, li turu u tkunu wiċċ uman. Faċli li r-rutina, l-għejja, anke l-burn out iwasslu biex il-wiċċ tagħna jkun wiċċ tal-bronż. F’kull tip ta’ professjoni li trid tqatta’ sigħat mal-għawġ ta’ din id-dinja, fil-każ tagħkom il-mard fiżiku li huwa wkoll psikoloġiku u spiritwali, nitolbu l-grazzja li turu wiċċ uman.Wasslu s-saħħa, is-salvazzjoni u l-wensJiena qiegħed hawn ukoll biex ngħidilkom kelma ta’ kuraġġ u ta’ ringrazzjamnet. Il-missjoni tagħkom hija maqgħuda ħafna max-xandir tal-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù. L-ewwelnett għaliex l-isem stess ta’ Ġesù jfisser ‘Alla jsalva’, ‘Jeshua’, u s-salvazzjoni hija wkoll is-saħħa. San Ġorġ Preca kien jippreferi juża l-kelma ‘saħħa’ minflok salvazzjoni. Kien jitlob, per eżempju, biex aħna nkunu nistgħu naħdmu għas-saħħa tad-dinja. Evidentement huwa kunċett ħolistiku tas-saħħa, u aħna wkoll, meta rridu nsellmu lil xulxin ngħidu ‘saħħa’. Dan il-well-being huwa l-isbaħ awgurju li nagħtu lil xulxin, ‘saħħa, salute’. Is-saħħa bil-Malti mhiex biss health imma anke well-being, mhux biss ‘salute imma anke stare bene. U allura meta inti qed titkellem fuq is-salvazzjoni qed titkellem fuq din il-stare bene, li tkun propju f’siktek f’kull aspett. Din hija parti mill-vokazzjoni sabiha tagħkom, li bil-wiċċ uman twasslu din is-salvazzjoni, din is-saħħa.Il-wiċċ uman ma jħarisx lejn l-uċuħMa naħsibx li forsi tieqfu tirrealizzaw kemm dak li tagħmlu intom ifejjaq ukoll in-nies mill-qiegħu u minn ġewwa. Meta l-bniedem jgħaddi minn din l-‘università’ li hija tassew demokratika għax hawnhekk, tkun min tkun, kulħadd l-istess, tirrealizza li hemm xi ħaġa li tagħmilna komuni fid-dgħufija. Irrid nispera u nawgura li hawnhekk il-bniedem jinsa l-attributi kollha għaliex jiena nemmen li kull pazjent, hu min hu, se jiġi ttrattat bl-istess delikatezza, bl-istess attenzjoni u bl-istess imħabba. Tkun sfortuna jekk f’dan l-ambjent ta’ saħħa, min jidħol fuq l-istess livell ta’ dgħufija, jkollu trattament differenti minħabba min hu. Jalla l-wiċċ uman tagħkom ma jħarisx lejn l-uċuħ. Naf li mhiex faċli, imma nħoss li din ukoll hija missjoni kbira li għandkom, li fil-care tiegħek ma tgħidx ‘għax dak jista’ jpattili ‘l quddiem’, imma taħseb biss fid-dinjità fundamentali ta’ min hemm quddiemek.Uru wiċċ uman bejnietkomGħalhekk hu importanti ħafna li tieħdu ħsieb mhux biss tal-pazjenti, imma anke ta’ xulxin b’dan l-istess sentiment li biħ turu wiċċ uman bejnietkom. U l-wiċċ uman jibda wkoll mir-rettitudni ta’ kif taħdmu, bil-puntwalità, l-indafa, il-kliem tajjeb fuq xulxin u n-nuqqas taz-zekzik. Evidentement dawn mhumiex privileġġi tal-professjoni tagħkom imma d-dgħufija tal-umanità. Imma jekk intom tridu toħolqu team sabih li jikkontribwixxi għas-saħħa tal-pazjenti u tat-team tagħkom u tagħkom infuskom, tridu verament taħdmu fuq l-egoiżmu naturali ta’ kull wieħed u waħda minna biex tgħinu lil xulxin mingħajr għira u mingħajr ħafna tbatijiet inutli li jiġu mill-kattiverja reċiproka.Kemm hi ħaġa sabiha li wieħed jidħol f’ward u jħoss – għax aħna m’għandniex biss l-X-ray tal-magni imma għandna l-intuwitu tal-qalb, dak li jgħidulha l-kardognosia, li inti tagħraf il-qalb tal-bniedem – u jinduna li t-tim tal-health carers huwa verament tim, li hemm l-armonija bejniethom. Evidentement jekk wieħed jidħol f’ambjent fejn hemm l-għajjat, jieħu togħma totalment differenti. Jiena mhux qed nippretendi li tkunu super eroj, imma intom tifhmu li dak li qed insemmi japplika għal ġid ta’ kulħadd u jwassal biex is-servizz tas-saħħa jkun tassew ta’ saħħa mhux biss għal min qed jirċevih imma anke għal min għandu l-privileġġ li jipprattikah.Dritt għal paga ġusta, imma mhux l-iktar ħaġa importantiIntom għandkom id-dmir li, wara li taħdmu, u taħdmu b’ċerta rettitudni, titħallsu wkoll. Jiena nawguralkom li dan l-aspett importantissmu, għax min imur lura d-dar għandu bżonn wkoll juri ċ-cheque jew juri xi ħaġa tax-xogħol li jkun għamel, ma jkunx l-iżjed ħaġa importanti. Għaliex jekk hi xi ħaġa importanti wisq, nibża’ li aħna mmorru l-isptar jew inkella fejn naħdmu, infittxu l-eqreb promotion li qiegħda wara l-bieb tistenna, u minflok ngħixu l-mument preżenti li huwa s-sagrament tal-qdusija, ngħixu dejjem biċ-cheque eħxen li għandu jkun mogħti lili bi dritt sagrosant.Jiena nawgura wkoll li t-tmexxija tal-Isptar tkun tmexxija min-nies ta’ kompetenza, li dak li għid lilkom, jiġifieri li ma jkunx hemm min iħares lejn l-uċuħ, ikun jgħodd ukoll għal min imexxi, u li min imexxi jintagħżel bi kriterji ta’ kompetenza.Nirringrazzjakom ħafna, inberikkom u nitlobkom li intom u tiltaqgħu mal-pazjenti tiftakru f’din l-espressjoni sabiha li għażel il-Papa Franġisku: Misericordiae Vultus – il-Wiċċ tal-Ħniena. Grazzi.✝ Charles J. SciclunaArċisqof ta’ Malta -
Photos: Photocity, Valletta.