Il-ġimgħa li għaddiet ġie ċċelebrat is-70 Kapitlu Provinċjali Ordinarju Elettiv tal-Aħwa Kapuċċini Maltin. Il-Kapitlu sar fil-kunvent tas-Salib Imqaddes, fil-Furjana bejn is-16 u l-20 ta’ Mejju 2022, u għalih attendew 48 Aħwa Kapuċċini. F’din il-ġimgħa l-Aħwa Kapuċċini kellhom iċ-ċans li flimkien jitolbu, jiddiskutu u anke jfasslu programm għall-futur tal-Provinċja tagħhom.
F’dan il-Kapitlu presedut mill-Kunsillier Ġenerali tal-Ordni tal-Kapuċċini, Patri Pio Murat saru wkoll l-elezzjonijiet tal-ministru provinċjali u anke tal-kunsill tiegħu għat-tliet snin li ġejjin. Fl-elezzjonijiet intagħżlu: Patri Ivan Scicluna bħala Ministru Provinċjali, Patri Raymond Bonnici – Vigarju Provinċjali, u l-kunsilliera Fra Miguel Zammit, Patri Elmar Pace u Patri Bertrand Vella.
Din il-ġimgħa serviet ukoll biex dawn l-Aħwa miġbura lkoll flimkien jisimgħu dwar dak kollu li sar matul dawn it-tliet snin u flimkien jevalwaw il-ħidma tagħhom u anke jgħixu mumenti ta’ fraternità.
Nitolbu lil Alla sabiex il-ħidma kollha li saret matul din il-ġimgħa tħalli sew il-frott mixtieq!