****
Direttur: Tim Miller
Atturi: Mackenzie Davis, Linda Hamilton, Edward Furlong, Arnold Schwarzenegger, Gabriekl Luna, Natalia Reyes, Tom Hopper, Cessandra Starr, Brett Azar, Diego Bonete u Steve Cree
Ħin tal-Film: 128 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Fis-sena 1998, tliet snin wara li Sarah Conner qerdet it-T-1000 u hekk fixklet il-qerda tal-umanità minn Artificial Intelligence Skynet, flimkien ma’ binha John, kienet qegħda fuq xtajta, meta bla qatt mistenni, jasal Terminator u joqtol kiesaħ u biered lil John.
Fl-2020, Grace, umana mkabbra, li flimkien ma’ Terminator, Rev-9 kienu qegħdin jiġu ttrasportati separatament mill-futur għal Mexico City, ir-Rev-9 jirnexxielu jaħrab u jidħol ġewwa fabbrika fejn Daniella “Dani” Ramos kienet qegħda taħdem maġemb ħuha Diego. Rev-9 jipprova joqtol lil Dani iżda tiġi salvata minn Grace li, flimkien jaħarbu minn fuq il-post. Rev-9 imur għal warajhom fuq truck u jirnexxielu joqtol lil Diego waqt li pprova joqtol lil Dani u lil Grace permezz ta’ qawwa li kien jipposjedi u li kienet tagħmlu immortali.
Fortuntament, Sarah tasal fil-ħin u jirnexxiela għal mument trażżan ir-Rev-9 permezz ta’ splużiv. Grace iżda tibda tħossha ħażin għalkemm kellha ħiliet superumani, iżda dan biss ghal ftit ħin. Għalhekk kien hemm bżonn li takkwista mediċina biex terġa’ tieħu saħħitha. Dani, Grace u Sarah jirtiraw ġewwa motel. Hawn Grace tirrivela li hi kienet ġiet mibgħuta mis-sena 2042 biex tipproteġi lil Dani. Sarah tissuġġerixxi biex bħalha, Dani twelled mexxej futur ta’ resistenza. Sarah stqarret li taf fejn tista’ issibhom għaliex minn wara l-mewt ta’ binha John, bdiet tirċievi messaġġi fuq il-wasla ta’ Terminators u dawn il-messaġġi dejjem kienu jispiccaw “For John”. Grace tistqarr ukoll li fil-futur, qatt ma kienet semgħet bi Skynet jew John.
Sadanittant, l-umanità kontinwament kienet qegħda tiġi mhedda minn AI, bl-isem ta’ Legion. Fil-futur dan Legion kien sejjer jinkapaċita numru ta’ bliet b’riżultat li l-umanità ma tkunx tista’ tinewtralizzah anke jekk tuza’ qawwa nukleari biex toħloq tħarrik b’movimenti qawwija regolari elektromagnetiċi. Grace jirnexxiela issib minn fejn kienu ġejjin dawn il-messaġġi f’lokal bejn il-Mexico u l-Istati Uniti. Rev-9 iżda permezz ta’ sorveljanza bis-CCTV, isir jaf fejn kienu sejrin. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan ta’ fantaxjenza, mimli azzjoni li jżommok fuq ix-xwiek għal ħafna ħin, hu taħt id-direzzjoni ta’ Tim Miller u kitba ta’ James Camron u Charles H. Eglee. Minħabba xeni ta’ vjolenza kif ukoll ta’ tpattija, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.