Iż-żjara tal-Papa Franġisku f’pajjiżna tat messaġġ qawwi lilna lkoll – lis-soċjetà Maltija u lill-Knisja f’Malta. Hi, qabelxejn, il-preżenza tiegħu kollha mħabba, il-ġesti tiegħu li juru kompassjoni, viċinanza u tenerezza, li fihom infushom jgħidulna ħafna u jagħtuna l-isbaħ messaġġ. L-entużjażmu li bih tant nies laqgħu lill-Papa juri apprezzament kbir għal din il-preżenza tiegħu fostna.
Hemm ħafna wkoll fil-kliem li qalilna, u nixtieq li nirriflettu fuq punti partikulari mid-diskors li hu għamel lill-awtoritajiet ċivili – diskors li wera kemm jaf sewwa s-soċjetà Maltija. Il-Papa uża t-tixbiha tal-warda tal-irjieħ biex jidentifika influwenzi essenzjali għall-ħajja soċjali u politika ta’ Malta, li hu sejħilha “il-qalb tal-Mediterran”. Dawn huma għaxar punti mill-kliem tal-Papa stess.
- L-għaqda u s-sliem. L-għaqda u s-sliem huma rigali li l-poplu Malti jitlob kull darba li jkanta l-Innu Malti – “Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem”. L-għaqda tiġi qabel kull firda, u għalhekk importanti l-ħidma flimkien u li nsaħħu l-għeruq u l-valuri li jfasslu s-soċjetà Maltija.
- Kontra l-illegalità u l-korruzzjoni. Pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata huma l-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza. Għandu jkun qawwi – bħar-riħ li jonfoħ mit-Tramuntana – l-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni. Għandu jsir kull sforz biex jitqaċċtu mill-għeruq il-ħajja ħażina u l-kriminalita li huma marbutin flimkien minħabba li l-aġir tagħhom ma jsirx fid-dawl tax-xemx.
- Il-ħarsien tal-ambjent. L-ambjent għandu jkun imħares mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini. Dawn mhux biss jikkompromettu l-pajsaġġ imma wkoll il-ġejjieni tal-pajjiż.
- Il-ġustizzja soċjali. Id-dar Ewropea hi impenjata li tmexxi ’l quddiem il-valuri tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza soċjali. Kemm il-ħarsien tal-ambjent kif ukoll il-ġustizzja soċjali huma toroq mill-aħjar biex iż-żgħażagħ jitbiegħdu mill-apatija u n-nuqqas ta’ impenn u jkollhom passjoni għal politika tajba.
- L-importanza tal-memorja. Ix-xenqa għall-progress ma għandhiex tfisser li tinqata’ mill-għeruq tal-imgħoddi f’isem prosperità falza ddettata mill-qligħ, mill-konsumiżmu kif ukoll minn dak li hu meqjus “id-dritt li kulħadd għandu jedd għal kollox”. Hu importanti li titħares il-memorja u b’rispett tintiseġ l-armonija bejn il-ġenerazzjonijiet, biex ma nintrikbux mill-approvazzjoni ta’ kulma hu artifiċjali u l-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi.
- Il-protezzjoni tal-ħajja umana. Fil-bażi ta’ tkabbir solidu hemm dejjem ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull raġel u ta’ kull mara. Il-Maltin huma impenjati biex iħaddnu u jħarsu l-ħajja. Irridu nkomplu niddefendu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha, iżda wkoll biex f’kull waqt inħarsuha milli tkun skartata u milli tisfa’ ttraskurata. Għal dan, trid tingħata attenzjoni partikulari lid-dinjità tal-ħaddiema, tal-anzjani u tal-morda, u attenzjoni mill-ħsara li jġibu għall-ħajja l-pjaga tad-droga li toħnoq il-libertà u toħloq dipendenza, kif ukoll il-konsumiżmu esaġerat u l-għeluq għall-ħtiġijiet tal-oħrajn.
- L-umanità u l-ospitalità ma’ dawk li qed ifittxu kenn. Lil dawk li qed ifittxu t-tama ma nistgħux nirrifjutawhom f’għeluq anakronistiku, għax fl-iżolament mhux se jkun hemm prosperità u integrazzjoni. Il-firxa tal-emerġenza migratorja, bħar-refuġjati mill-Ukrajna bħalissa, titlob tweġibiet wiesgħa u maqbula. Ma jistgħux xi pajjiżi jitgħabbew bil-problema kollha tal-indifferenza tal-oħrajn. U pajjiżi ċivili ma jistgħux, għall-interessi tagħhom, jagħmlu ftehim suspettuż u mtajjan ma’ nies ta’ qatgħa ħażina li lill-persuna jagħmluha lsira. Il-Mediterran għandu bżonn responsabbiltà Ewropea komuni u maqbula biex isir mill-ġdid teatru ta’ solidarjetà u ma jkunx il-fruntiera ta’ nawfraġju traġiku ta’ ċiviltà. Irridu ngħinu lil xulxin biex ma nħarsux lejn il-migrant bħala theddida u ma nċedux għat-tentazzjoni li nibnu ħitan. L-ieħor mhuwiex virus li għandna niddefendu ruħna minnu, imma persuna li għandna nilqgħuha.
- Il-paċi tiġġenera l-ħajja t-tajba. Konna qed naħsbu li l-invażjonijiet ta’ pajjiżi oħra, it-taqbid brutali fit-toroq u t-theddid atomiku kienu tifkiriet mudlama tal-imgħoddi mbiegħed. Iżda b’dak li ġara fl-Ukrajna r-riħ kiesaħ tal-gwerra li ġġib biss qerda u mibegħda nefaħ bil-prepotenza fuq il-ħajja ta’ bosta u fuq il-jiem ta’ kulħadd. Fil-lejl tal-gwerra li niżlet fuq l-umanità, ejjew ma nħallux tgħib il-ħolma tal-paċi. Il-paċi tiġġenera l-ħajja t-tajba u l-gwerra l-faqar biss.
- Is-sehem tan-nisa. Il-ħlewwa tal-ommijiet, li lid-dinja jagħtuha l-ħajja, u l-preżenza tan-nisa huma l-alternattiva vera għal-loġika xellerata tal-poter li jwassal għall-gwerra. Aħna għandna bżonn ta’ ħniena u kura, mhux ta’ viżjonijiet ideoloġiċi u populiżmi, mitmugħa bi kliem ta’ mibegħda u li m’għandhomx għal qalbhom il-ħajja konkreta tal-poplu, tan-nies komuni. Neħtieġu qies uman quddiem l-aggressività infantili u qerrieda li qed theddidna, quddiem ir-riskju ta’ gwerra bierda mifruxa, li taf toħnoq il-ħajja ta’ popolazzjonijiet u ġenerazzjonijiet sħaħ.
- Id-djalogu. Għandna ngħinu lil xulxin biex naħdmu ħa nqiegħdu s-sisien għal djalogu dejjem aktar mifrux. Nerġgħu nibdew niltaqgħu b’ħarsitna tkun lejn il-ġenerazzjonijiet li għad jiġu. U l-fondi bla qies li għadhom jintefqu fl-armanenti għandhom jinbidlu f’fondi għall-iżvilupp, għas-saħħa u għan-nutriment.
Ta’ min jinnota li ħafna minn dak li qal il-Papa Franġisku hu dak li l-Knisja f’Malta – permezz tas-Sinodu Djoċesan 1999-2003 u permezz tal-Isqfijiet u ta’ diversi entitajiet tagħha, bħall-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Kummissjoni Ambjent – sostniet tul is-snin. Il-Papa ġie Malta u kkonferma dan l-impenn billi enfasizza hu stess punti hekk rilevanti għas-soċjetà Maltija.
Jalla niftħu qalbna u widnejna għall-kliem tal-Papa Franġisku, li hu kliem tassew ta’ ġid biex nistgħu nibnu soċjetà li tirrispetta b’mod sħiħ il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Dan l-artiklu kien oriġinarjament ippubblikat f’Il-Leħen