I would like to greet our catechumens who today will receive Baptism, Confirmation and partake, share in the Eucharist which we celebrate today. Welcome to this very important day in your life and in the life of the Church.

Waqt li nilqa’ lil ħutna l-katekumeni li llum se jirċievu l-Magħmudija, il-Griżma u jitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, nilqa’ fostna wkoll il-komunitajiet tal-Mixja Neokatekumenali li llum ukoll b’mod solenni qegħdin iġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija ma’ kull kull wieħed u waħda minna li tgħammidna. Jalla dan l-impenn li intom xhieda għalih iwassal ħafna u ħafna minn ħutna lejn Ġesù permezz tax-xhieda tagħkom.

Ġesù jinqeda bin-nisa li huma mmexxija u mbuttati mill-istint tal-imħabba u d-devozzjoni. Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa, dak li aħna nsejħulu l-Ħadd, l-ewwel jum, dawn in-nisa marru ħdejn il-qabar. L-idea tagħhom kienet li jkomplu dak li kien beda l-Ġimgħa. Peress li kien jum it-tħejjija ma setgħux jidilku l-ġisem mejjet ta’ Ġesù kif xtaqu u riedu jkomplu dan l-att ta’ pietà, ħniena, imħabba u devozzjoni.

Ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew; fwejjaħ li jippruvaw jgħattu r-riħa ta’ ġisem mejjet u fl-istess ħin jesprimu l-imħabba għal dak kollu li ġara qabel. Malli waslu jsibu l-ġebla mgerrba minn quddiem il-qabar u meta daħlu fil-qabar, il-katavru tal-Mulej Ġesù li kienu qegħdin ifittxu, ma sabuhx. Inħasdu. Kienu mħassbin. Huma kienu qed ifittxu ġisem mejjet, katavru. “Imma f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel lebsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art (Lq 24:4-5).

Min jaf kemm-il darba aħna nbaxxu għajnejna lejn l-art. Donnu l-ħajja li qed ngħixu mhu se tispiċċa qatt. Donnu fl-art u fil-frott tagħha nippretendu nsibu r-risposti kollha ta’ ħajjitna, l-għatx kollu għall-imħabba li hemm fina. Imma dawk qalulhom: “Għaliex qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?” (Lq 24:5). Din hija domanda li llum il-Mulej qed jagħmel lili u lilek.

Qiegħed jgħidilna: tfittxunix fejn hemm il-mewt, il-korruzzjoni, it-tinġis, id-dekompożizzjoni. Jiena ħaj! Il-fwejjaħ li l-imħabba ta’ dawk in-nisa ġġorr lejn il-qabar ma tibqax fwieħa li tgħatti r-riħa tal-mewt imma ssir aħbar sabiħa li tagħti riħa u togħma speċjali lill-ħajja. Mhix fwieħa li tgħatti imma espressjoni ta’ ħajja ġdida tal-qawmien mill-imwiet.

Tagħlima oħra li jingħataw hija li hemm bżonn jifhmu l-liġi tas-salib. Din il-fwieħa mhi se tgħatti qatt il-prezz tal-imħabba. “Kien jeħtieġ li Bin il-Bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub u fit-tielet jum iqum mill-imwiet. F’dak il-mument huma jiftakru fil-kliem ta’ Ġesù” (Lq 24:7-8). Din hija stedina oħra li jagħmlilna l-Mulej illum: mhux biss nieqfu nħarsu lejn fejn hemm biss il-mewt imma niftakru li l-kelma tiegħu ssir memorja ħajja fil-ħajja u x-xhieda tagħna.

Ħin minnhom dawn in-nisa jsiru evanġelisti. Marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-appostli, lill-ħdax u lill-oħrajn kollha. Aħna wkoll imsejħin biex inkunu evanġelisti: dawk li jwasslu l-aħbar it-tajba tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. M’għandniex għalfejn niskandalizzaw ruħna li anke llum fostna – biex ma ngħidx fost is-suċċesuri tal-appostli wkoll – ikun hemm l-ewwel reazzjoni li hija: u dawn mhux nisa? Dan thewdin. Dik kienet l-ewwel reazzjoni tal-appostli. “Id-diskors tan-nisa,” jgħidilna San Luqa (ara Lq 24:11), u nsibuha wkoll fl-Evanġelju ta’ San Mark, l-appostli stħajluh thewdin u ma emmnuhomx. Mhijiex awtomatika li inti temmen fil-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Mhix xi ħaġa li ma tridx tagħmel sforz jew pass ta’ fiduċja fil-kelma u l-qawwa ta’ Ġesù biex tifhem u tgħix din ir-realtà.

Ejjew ma’ Pietru nqumu u mmorru ġirja lejn il-qabar. X’se nsibu? Qabar vojt. Hemm il-faxex. Aħna wkoll illum immorru lura d-dar mgħaġġba b’dak li ġara tassew f’Ġerusalemm 2,000 sena ilu. Jalla dan l-istagħġib jibqa’ fina aħna u nagħtu l-Għid it-tajjeb lil xulxin.

My dear catechumens, today we celebrate the Resurrection of Our Lord. You have been attracted to Jesus. You have come today out of your own free will to be baptised and become Christians. With baptism, you will belong to Jesus forever. You will be confirmed with his Holy Spirit. You will receive the body and blood of our Lord Jesus Christ. This is for you a new beginning. This is for you the moment when you die for sin and rise up with Jesus to a new life.

We welcome you into our community. Do not expect us to be perfect, please, we are not. But let us together, as a family and as friends who belong to Jesus Christ, learn to rely constantly on his mercy, the mercy that today in silence and humility conquers the devil’s pride, that grace that in silence and humility covers and forgives all our sins. Welcome to the family of Jesus.

Aħna u ngħidu lil xulxin l-‘Għid it-tajjeb’ ejjew nitolbu ’l Mulej biex il-ħarsa tagħna ma tibqax tfittex f’ħajjitna l-katavri tad-dnub, tal-inġustizzja, tal-korruzzjoni spiritwali u fiżika, imma tfittex il-fwieħa tal-maħfra, il-grazzja u l-paċi.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta