L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Huwa xieraq li ltqajna hawnhekk illejla propju biex niċċelebraw dak li missirijietkom għamlu 350 sena ilu meta qiegħdu l-ewwel ġebla ta’ dan it-tempju grazzjuż. X’riedu jagħmlu? Riedu jibnu dar għal Alla fosthom. Imma riedu wkoll jibnu tempju xieraq fejn huma rikonoxxuti u miġburin bħala parroċċa, ikunu jistgħu jiltaqgħu biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, jiċċelebraw l-Ewkaristija, jirċievu s-sagramenti, jiltaqgħu ma’ Alla.
Il-festa ta’ San Stiefnu titkellem dwar ġebel ieħor: il-ġebel li ntuża biex joqtol lil dan, wieħed mill-ewwel seba’ djakni. Fil-kas tiegħu ma qegħdux ġebla, imma waddbuha, użawha bħala arma ta’ qtil. Il-festa li qed niċċelebraw iġġagħalna nifhmu li l-ġebla tagħtiha s-sens li trid inti. Aħna wkoll imsejħin inkunu ġebel ħaj imma nistgħu wkoll nittrasformaw irwieħna f’għodda ta’ qtil għax dak li japplika għat-tifsira pożittiva tal-ġebla, japplika wkoll għall-użu ħażin tagħha.
Ejjew nieqfu biex nammiraw ftit il-personalità straordinarja ta’ dan iż-żgħażugħ Stiefnu. Ismu mill-Grieg ifisser ‘kuruna, stefanos’, li l-Atti tal-Appostli jiddeskrivu bħala bniedem kollu grazzja u qawwa, bniedem li tgħallem minn Ġesù l-maħfra u l-maħfra tal-għedewwa. L-Atti tal-Appostli jgħidulna li kien bniedem ta’ għerf u tal-ispirtu. Nistgħu ngħidu li fl-ewwel martri tal-istorja tal-Knisja, Stiefnu, insibu wkoll ikona tal-ġebla ħajja li l-Mulej jixtieq li aħna nkunu fit-tempju li jibni hu, kollu grazzja u qawwa. Il-grazzja hija xi ħaġa mogħtija lilna mhux b’merti tagħna imma għaliex Alla jħobb mingħajr ma jistenna xejn lura.
Nissuġġerilkom, jekk ikollkom ċans, tfittxu u taqraw l-omelija sabiħa li għamel il-Qdusija Tiegħu l-Papa fil-lejl qaddis tal-Milied meta tkellem propju fuq din il-grazzja, “dehret il-grazzja ta’ Alla”. Dan huwa t-Tieni Qari qrajna propju lbieraħ billejl mill-Appostlu Missierna fl-ittra tiegħu lil Titu u jispjega l-misteru li qegħdin niċċelebraw b’din l-espressjoni feliċi: “Dehret il-grazzja ta’ Alla” (Tit 2:11), din l-imħabba li ma tfittixx l-interessi tagħha, li ma tistenna xejn lura.
U Stiefnu kien bniedem kollu grazzja, mhux biss għax irċieva l-ħniena tal-Mulej imma għaliex tgħallem mingħand l-Imgħallem kif ikun qaddej fuq l-istil ta’ Ġesù stess. Kien imsejjaħ u magħżul ma’ sitta oħra biex jingħataw għall-qadi tal-komunità, biex ikun qaddej, djaknu. Il-qawwa tiegħu kienet ukoll il-qawwa tax-xhieda tiegħu. Fl-Atti tal-Appostli nsibu spjega li jagħti pjuttost elaborata tal-istorja tas-salvazzjoni waqt li qed jipperswadi lil sħabu l-Lhud biex huma jagħrfu lil Ġesù bħala l-veru Messija.
Kontrih ma kienx hemm xi elite ta’ Ġerusalemm. L-Atti tal-Apppostli jitkellmu dwar persunaġġi ta’ sinagoga partikolari, is-Sinagoga tal-Ħielsa imma kien hemm oħrajn minn Ċirene li hija l-Afrika tan-Nord, dak li aħna nsejħulha l-Libja llum, iċ-Ċerenajka; minn Lixandra; miċ-Ċiliċja u mill-Asja (ara Atti 6:9). Kien hemm rappreżentanti tal-Mediterran magħruf dak iż-żmien li jeħduha kontra Stiefnu u x-xhieda tiegħu, xejn ġdid fid-dinja. Ix-xhieda ta’ Stiefnu kienet skomda, qajmet reazzjoni, anke hu sar ġebla tax-xewka u kien xewka. Aħna bil-Malti anke l-kelma ‘xewka’, il-ġebla tax-xewka żżomm kollox, imma bniedem tgħidlu li hu xewka jfisser li huwa skomdu u Nisrani li huwa minġur fuq ix-xbieha ta’ Ġesù, il-ġebla tax-xewka, irid ikun ukoll xewka fis-soċjetà. Aħna ma nistgħux nippretendu li kulħadd iċapċpilna, darba iva u darba le iċapċpulna, hux veru? (L-Isqof Joe qed jidra.) Għaliex dik hija l-vokazzjoni ta’ min irid ikun minġur fuq ix-xbieha qaddisa tal-Imgħallem Ġesù.
Imma l-Atti tal-Appostli, meta jitkellmu fuq Stiefnu, jitkellmu wkoll fuq bniedem ta’ għerf u tal-ispirtu. L-għerf mhuwiex l-għerf tad-dinja. Id-dinja għandha l-loġika tagħha: l-ewwel jien, it-tieni jien, it-tielet jien, u jekk jibqa’, jien. Dik il-loġika tad-dinja! L-għerf ta’ Alla jwasslek biex tagħti ħajtek. U dan ix-xhud ta’ Ġesù ma kienx xhud biss bil-kelma u bil-qadi tiegħu, imma sar ukoll xhud bil-mewt tiegħu. Intom tafu li l-kelma martyris minn fejn ġejja l-kelma martri, tfisser xhud. Il-martri huma x-xhieda, dawk li kkonsagraw ix-xhieda tagħhom bit-tixrid tad-demm.
Aħna nqimu lil Stiefnu bħala l-ewwel wieħed li ta xhieda u li fil-martirju tiegħu, imħaġġar barra mill-bieb u barra minn Ġerusalemm, għax l-Atti tal-Appostli stess jgħidulna li: “Intefgħu fuqu f’daqqa waħda, kaxkruh ’il barra mill-belt u qabdu jħaġġruh” (Atti 7:57-58). Anke Ġesù ġie msallab ’il barra mill-bieb tal-belt ta’ Ġerusalemm. Anke ’l Mulej ħarġuh minn Ġerusalemm fejn imbagħad qatluh. Hekk għamlu wkoll lill-qaddej tiegħu Stiefnu. U Stiefnu, bħalma għamel Sidu l-Mulej Ġesù qabel imut, prattikament juża l-istess kliem tal-Imgħallem fuq is-salib: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Stiefnu jgħid: “Tgħoddulhomx, Mulej, dan id-dnub” (Atti 7:60). U l-kelma tiegħu ta’ fiduċja tirrepeti wkoll is-sentimenti ta’ Ġesù stess: “F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi” (Lq 23:46), “Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi” (Atti 7:59). Il-martri jagħtu xhieda b’demmhom waqt li jimitaw ukoll lill-Mulej Ġesù.
Il-parroċċa għażiża ddedikata lill-mama ta’ Ġesù Annunzjata, hija msejħa wkoll biex tkun komunita ta’ ġebel ħaj, komunità ta’ Nsara li minkejja d-dgħufija ta’ kull wieħed u waħda minna, qegħdin jaħsbu biex f’ħajjithom ikunu u jsiru għotja u xhieda ta’ dan l-ispirtu, ta’ din il-qawwa għax biex inti tagħti ħajtek mingħajr ma tfittex xejn lura, trid titqabad miegħek innifsek, trid l-għajnuna tal-Mulej.
Il-Mulej Ġesù fl-Evanġelju li għadna kemm smajna jgħallimna li m’għandniex nibżgħu mill-mumenti ta’ persekuzzjoni, lanqas għandna nibżgħu mill-mumenti fejn il-Mulej bil-kliem tal-Liturġija tal-konsagrazzjoni tat-tempju, jonġorna. Ħafna drabi l-Mulej jonġorna bl-umiljazzjonijiet. M’għandniex għalfejn nibżgħu, naduraw il-ġudizzju t’Alla biex nuża espressjoni għażiża għal San Ġorġ Preca. Kien iħobb jirrepetiha ħafna speċjalment meta jiġi fuqu xi mument diffiċli. San Ġorġ kien iħobb jirrepeti: ‘naduraw l-ġudizzji ta’ Alla’. Meta tgħidha din il-ħaġa, fil-qalb tiegħek tinżel paċi kbira għax il-ġudizzji ta’ Alla fuqna huma dejjem ġudizzji ta’ ħniena u ta’ mogħdrija. Hu jwiddibna u jwissina għall-ġid tagħna.
Dawn l-anniversarji jiġu għal dan il-għan: mhux biss biex inħarsu lura bi gratitudni imma biex inħarsu ’l quddiem bit-tama.
Jiena nawguralkom ħafna, intom u tiċċelebraw dak li għamlu missirijietkom, b’sens kbir ta’ gratitudni. Jalla tkomplu tgħożżu dan it-tempju li matul is-sekli kompla jiżżejjen u li llum biex iżżommu fi stat tajjeb, trid tkun ġeneruż għaliex naf kemm sewa r-restawr u kemm jiswa r-restawr, imma jiena nirringrazzjakom tal-ġenerożità tagħkom. It-tempji tagħna – jiena din hi t-talba tiegħi – jalla jkunu dejjem u jibqgħu dejjem dak li xtaqu missirijietna. X’jiġifieri? Jibqgħu d-dar tal-komunità tal-poplu ta’ Alla.
Tkun sabiħa li kultant nistiednu xi nies biex jammiraw is-sbuħija li bihom żejjinihom, imma mhux mużew. 350 sena ilu ma tqegħditx l-ewwel ġebla ta’ mużew – mhux qed ngħid għal dak li waqqaf San Ġorġ Preca – għal mużew tal-għanqbut, għal mużew tal-arti, imma twaqqfet dar, bdiet tinbena dar ta’ komunità ħajja. Ġesù ħin minnhom qal: “Meta jiġi lura Bin il-bniedem, se jsib il-fidi fuq l-art?” (Lq 18:8). Se jsibha Ħal Balzan il-fidi, Ġesù? Ir-risposta mhux f’idejh, ir-risposta f’idejna, f’idejn uliedna u wlied uliedna. U għalhekk nitolbu wkoll għall-ġenerazzjonijiet li tielgħa. Ħafna drabi, wara l-Giżma, ma narawhomx ta’ spiss imma mbagħad il-Mulej jerġa’ jiġbidhom. Imma ejjew nitolbu biex il-komunità tibqa’ komunità ħajja. Dawn l-anniversarji jiġu għal dan il-għan: mhux biss biex inħarsu lura bi gratitudni imma biex inħarsu ’l quddiem bit-tama.
Jiena nitlob l-interċessjoni tal-qaddisin b’mod speċjali llum ta’ San Stiefnu u nitolbuh biex bħalu aħna nikbru bħala persuni li jkollna grazzja u qawwa mimlijin għerf u l-ispirtu waqt li nitkellmu, waqt li nagħtu xhieda bil-ħajja tagħna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 6: 8-10; 7:54-59
Salm: 30
Evanġelju: Mt 10: 17-22