Il-membri ta’ Fondazzjoni Kenosis iċċelebraw l-10 anniversarju ta’ Teen Klabb b’quddiesa ċċelebrata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Knisja ta’ Sant’Ursola fil-Belt Valletta u djalogu mal-Arċisqof Charles Scicluna fiċ-Ċentru Santu Rokku.
Fondazzjoni Kenosis għandha l-għan li tippromwovi l-valuri Kattoliċi permezz tal-Faith Formation u Teen Klabb. B’mod prattiku Kenosis tfittex li tipprovdi ambjent fejn tfal u adoloxxenti minn oqsma differenti tal-ħajja jistgħu jitrawmu u jiġu appoġġati spiritwalment.
Teen Klabb kien maħsub bħala spazju sigur għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw emozzjonalment u spiritwalment. Din l-idea issa fjorixxiet f’komunità vibranti fejn ‘l fuq minn għoxrin voluntiera iservu u jakkumpanjaw liż-żgħażagħ f’Malta. Fid-9 ta’ Jannar 2015, grupp ta’ voluntiera nieda din l-inizjattiva għall-adolexxenti fil-Belt Valletta u l-inħawi tagħha. Teen Klabb toffri alternattiva għal spazji soċjali fiċ-Ċentru Pastorali San Rokku, binja antika rrestawrata riċentament, fejn it-tfal u l-adolexxenti jistgħu jiltaqgħu mal-ħbieb tagħhom taħt il-gwida tal-voluntiera.
Iddisinjat bħala spazju sigur u formattiv, Teen Klabb jgħin liż-żgħażagħ jibnu u jsaħħu ħiliet soċjali essenzjali permezz tal-integrazzjoni tat-tagħlim emozzjonali u soċjali mal-fidi. Dan l-ambjent jagħti spazju għat-twassil tal-ispiritwalità Kattolika b’mod prattiku u aċċessibbli għal kulħadd u jitfa’ dawl fuq l-importanza tal-kura pastorali fil-vjaġġ tal-ħajja tal-adolexxenti.
Il-membri u l-voluntiera ta’ Teen Klabb jaħdmu sabiex iż-żgħażagħ ikollhom spazju fejn jistgħu jiltaqgħu mal-fidi b’mod profond. Permezz tal-missjoni Faith Formation, il-membri jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu appoġġ pastorali fi ħdan il-parroċċi lit-tfal u l-adoloxxenti billi jorganizzaw laqgħat regolari u attivitajiet varji matul is-sena kollha. Flimkien mal-katekeżi, il-membri joħolqu opportunitajiet għal interazzjoni soċjali, li jgħinu biex jinbnew relazzjonijiet aktar profondi filwaqt li jaqsmu l-Evanġelju b’mod li kull individwu jista’ jirrelata miegħu.
“Is-sejħa tagħna hija li niggwidaw lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-vjaġġ spiritwali tagħhom, ngħinuhom jiskopru lil Ġesù.”
Ispirati mix-xewqa tal-Papa Franġisku biex jinħolqu spazji ta’ kwiet għall-laqgħat spiritwali, il-Kappella tal-Adorazzjoni fiċ-Ċentru sservi bħala rifuġju seren għar-riflessjoni personali u t-talb, u tenfasizza l-għatx taż-żgħażagħ għal relazzjoni aktar profonda ma’ Alla.
Aspett ieħor ta’ żvilupp fit-tfal hu l-inklużjoni tat-talent mużikali, li permezz tal-Music Ministry, toffrilhom l-opportunità li jintegraw l-edukazzjoni mużikali mas-servizz spiritwali, billi jipparteċipaw fil-kor u fil-mużika liturġika. Permezz ta’ lezzjonijiet tal-pjanu, il-kitarra, u d-drums, it-tfal mhux biss jiżviluppaw it-talenti mużikali tagħhom, iżda wkoll jikkontribwixxu fl-animazzjoni tal-quddiesa.
Għaż-żgħażagħ li jkunu jixtiequ jgħixu l-fidi Nisranija tagħhom b’mod aktar profond, darba fix-xahar jiġu organizzati l-laqgħat ta’ TeenKlabb+, bil-għan li jgħinuhom jgħixu l-fidi tagħhom b’mod prattiku u personali għall-età u r-realtajiet ta’ ħajjithom. Dawn il-laqgħat iservu wkoll bħala opportunità biex jitrawmu voluntiera ġodda ta’ TeenKlabb.
Il-missjoni ta’ Teen Klabb qed testendi anki lejn pajjiżi oħra, fosthom bi proġett ġdid f’Dar es Salaam, it-Tanżanija li qed jitwaqqaf sabiex, fuq l-istess prinċipji ta’ integrazzjoni bejn il-fidi u l-edukazzjoni, jindirizza l-ħtiġijiet immedjati tat-tfal fir-reġjun.
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar Fondazzjoni Kenosis hawn: kenosis.mt