L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Huwa dan li jgħid Ġesù lill-ħdax illum fl-Evanġelju, u huwa dan li niċċelebraw fil-festa ta’ San Ġorġ Preca. San Ġorġ Preca kellu f’qalbu li jrid iwassal l-Evanġelju lil kulħadd, u fil-fatt, meta waqqaf is-Soċjeta tal-MUSEUM, is-Soċjeta tad-Duttrina Nisranija, ried proprju dan. L-inizjali tal-kelma MUSEUM ifissru: “Mgħallem, mhux li kien id-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju tiegħek”.
Ilbieraħ filgħaxija, mal-ewwel kelmiet tal-Papa Ljun, il-Papa l-ġdid, hu ħeġġiġna proprju għal dan: biex aħna nwasslu l-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba li Alla jħobbna, li Alla jilqagħna, li Alla jrid il-ġid tagħna, u minna jixtieq li nkunu dixxipli ta’ Ġesù li nibnu l-pontijiet, li nwasslu l-paċi u l-imħabba, li nkunu preżenza ta’ djalogu u għaqda. Din hi t-talba speċjali li nagħmlu llum, proprju l-għada li ġie magħżul il-Papa ġdid, Papa Ljun.
… imma fil-kmandamenti nsibu wkoll kif is-soċjetà tista’ tgħix ta’ nies
Hemm sentenza li tlabna fis-Salm illum li kienet ħafna għal qalb San Ġorġ Preca. Tgħid hekk: “Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek. Jien irrid nibqa’ fiha sal-aħħar” (Salm 119:33). Nixtieq li nieqfu nirriflettu fuq din is-sentenza hekk importanti għal ħajjitna li San Ġorġ Preca kien iwassal b’enfasi fit-tagħlim tiegħu fuq il-kmandamenti ta’ Alla.
Meta konna żgħar, tgħallimna l-kmandamenti ta’ Alla, u nafu li dawn juruna dak li jrid Alla għalina personalment, biex nistgħu ngħixu fil-paċi u l-imħabba tiegħu, juruna anke dak li għandna nevitaw f’ħajjitna; imma fil-kmandamenti nsibu wkoll kif is-soċjetà tista’ tgħix ta’ nies, fir-rispett tal-ħajja u d-dinjità ta’ xulxin.
Ħa nieqaf fuq kmandament wieħed, il-ħames kmandament: la toqtolx. Nafu kemm hu importanti fi żmienna, meta nisimgħu b’tant disprezz għall-ħajja tal-bniedem mad-dinja kollha. Alla jridna ngħożżu l-ħajja ta’ kulħadd, u naħdmu biex ikun hemm dejjem dan il-ħarsien tal-ħajja. Nixtieq nikkwota hawnhekk dak li kien qal il-Kardinal Prevost li llum huwa l-Papa Ljun: “Il-ħniena ta’ Alla ssejħilna biex nipproteġu kull ħajja umana, speċjalment dik li s-soċjetà kultant ma tagħtix każ tagħha – bħat-tarbija li għad trid titwieled u l-anzjan jew anzjana li qed joqorbu t-tmiem tal-ħajja tagħhom”.
Dan huwa l-kliem li kien qal dak li llum huwa l-Papa Ljun, li jfakkarna kemm hu importanti li aħna nuru din l-għożża u l-imħabba tal-ħajja lejn kulħadd, u speċjalment lejn min hu jew iħossu fraġli u vulnerabbli.
Ma jkun qatt li naħsbu fil-qtil bħala soluzzjoni
Hawn min iħoss li baqagħlu ftit ħajja u kultant hawn jibda jaħseb li ladarba baqa’ ftit, il-ħajja tiegħu jew tagħha ma tiswiex. Lil dawk li b’xi mod jgħaddilhom minn moħħhom li jtemmu ħajjithom qabel isejħilhom il-Mulej, aħna għandna nieqfu magħhom, ngħinuhom b’kull mezz fil-kura biex itaffu l-uġigħ, indawruhom b’imħabba u għożża, nuruhom l-appoġġ tagħna, infakkruhom li dejjem jibqgħu għeżież. Ma jkun qatt li naħsbu fil-qtil bħala soluzzjoni – il-qtil ta’ min qed ibati, allura “aħjar jeħles”. Ma jkun qatt! Ma jkun qatt li nkunu aħna kompliċi fil-qtil! Alla qalilna ċar u tond: la toqtolx. Għalhekk: iva għall-ħajja, u ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.
Illum, fil-Festa ta’ San Ġorġ Preca, li għallimna t-triq tal-ħajja, nerġgħu nitolbu bil-ħerqa flimkien: “Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek. Jiena rrid nibqa’ fiha sal-aħħar” (Salm 119:33).
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju