L-ewwel ċentru terapewtiku f’Malta għall-adolexxenti li jabbużaw mid-droga ġie inawgurat it-Tlieta 23 ta’ Novembru, 2021. Iċ-Ċentru tal-Ibwar, li ġie ddisinjat biex joffri l-aqwa u l-aħjar fir-rijabilitazzjoni taż-żgħażagħ, se jkun qed joffri programmi residenzjali u oħrajn ta’ matul il-jum għal aktar minn 20 żgħażagħ bejn it-12 u s-17-il sena.

Fiċ-ċentru, li hu mgħammar b’faċilitajiet moderni, sportivi, akkademiċi u ta’ snajja’, se jingħataw servizzi psikosoċjali lir-residenti u lill-familji tagħhom ukoll, biex l-għajnuna tingħata tkun waħda ħolistika.

Iċ-Ċentru Tal-Ibwar se jitmexxa minn Caritas Malta. L-inawgurazzjoni saret mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u l-prevenzjoni, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li “d-drogi u l-użu tad-droga m’għandhomx ikunu iffaċilitati.” L-Arċisqof Scicluna qal li l-proċess ta’ rijabilitazzjoni ma jistax ikun “dikjarazzjoni iżolata” u nnota l-ħidma li twettaq il-Caritas fil-programmi tagħha li trid twassal għal “prevenzjoni u edukazzjoni akbar.

Għall-messaġġ sħiħ tal-Arċisqof, agħfas hawn.

Bħalissa l-Parlament qed jiddiskuti d-dekriminalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis, bil-liġi proposta li tippermetti lil min juża l-kannabis ikabbar il-pjanti fid-dar jew jixtri ammonti limitati tas-sustanza minn assoċjazzjonijiet stabbiliti apposta.

Minkejja li l-Oppożizzjoni qalet li se tkun qed tivvota kontra l-liġi, ir-riforma mistennija tkun iffirmata mil-leġiżlaturi fil-ġimgħat li ġejjin. Madankollu, diversi għaqdiet tal-Knisja u NGOs esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar l-effetti ta’ liġi bħal din, hekk kif qed ikomplu jsejħu għal dibattitu matur dwar is-suġġett.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan il-proġett bħala l-punt tat-tluq għaż-żgħażagħ kollha li jsegwu programm f’dan iċ-ċentru, bil-punt tal-wasla jkun kull meta żagħżugħ jew żagħżugħa jtemmu b’suċċess wieħed mill-programmi u joħorġu bħala persuni riformati lesti li jwettqu l-ħolm tagħhom.

Spjega kemm hu importanti li l-bniedem ma jiġix iġġudikat u stmat ta’ kriminal meta jinqabad fil-vizzju tad-droga, imma jsib il-kenn f’dar li toffrilu l-għajnuna u l-wens li jkollu bżonn biex jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega kif l-għan ewlieni wara dan il-proġett hu li jerġa’ jibni mill-ġdid lil dawn l-adolexxenti, li jkunu għaddejjin minn moral baxx konsegwenza tal-vizzju li jkunu spiċċaw fih.

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt qal li “vjaġġ ta’ elf mil jibda hawnhekk bl-ewwel pass.” Fl-esperjenza tiegħu f’dan il-qasam, Gatt qal li “tlaqna minn sitwazzjoni fejn bdejna naraw lil dawn iż-żgħażagħ jitħalltu ma’ persuni ta’ età ikbar, u ħafna drabi ma jkomplux il-programm ta’ rijabilitazzjoni u jispiċċaw bi problemi kriminali.”

Filwaqt li rringrazzja lill-Mons. Victor Grech tal-ħidma tiegħu, Gatt spjega kif illum il-Caritas għandha diversi ċentri speċjalizzati, għal persuni li nħakmu b’dipendenza fuq id-droga. Qal li dan iċ-ċentru l-ġdid se jkun qed jilqa’ żgħażagħ minuri li għandhom problemi serji ta’ dipendenza fuq id-droga u li issa għandhom servizz speċjalizzat.

“Hawnhekk żgħażagħ jistgħu jidħlu kemm bħala residenti li jkunu qed joqogħdu magħna u jaħdmu fuq it-terapija u l-edukazzjoni li għandhom bżonn biex ikunu preparati għal ħajja indipendenti sew jew jistgħu jattendu matul il-ġurnata imma jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom jew jirċievu appoġġ tas-servizzi psikosoċjali,” qal Gatt, hekk kif saħaq li dan kollu jiddependi mil-livell ta’ bżonn li jkollhom bżonn.

Bħalissa, 20 żgħażagħ qed isegwu dan il-programm, fejn sitta minnhom qed jieħdu programm residenzjali. L-età medja ta’ dawn l-adolexxenti hi ta’ 16-il sena.

Kull min jixtieq l‑għajnuna ta’ Caritas Malta jista’ jċempel fuq 21331000 jew iżur caritasmalta.org.

Sors: Newsbook Malta