L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?” (Lq 12:56). Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju lin-nies. Hawnhekk qiegħed jilmenta magħhom illi fejn jidħol it-temp, in-nies kapaċi jaraw is-sinjali, u jgħidu jekk hix ġejja x-xita jew jekk hix se tagħmel is-sħana; imma mbagħad, ma kinux kapaċi jaraw is-sinjali taż-żmien, jiġifieri, li Alla ġie jżurhom permezz ta’ Ibnu Ġesù.
Kellu raġun jilmenta Ġesù? Kellu raġun ħafna, dażgur! Għaliex in-nies kienu raw is-sinjali, kienu raw il-mirakli, u għalkemm kien hemm min emmen fih meta ra dawn is-sinjali, kien hemm diversi nies illi għalqu għajnejhom biex ma jarawx, u għalqu qalbhom biex ma jaċċettawhx. Għalhekk, dawn in-nies kienu jimxu mas-sinjali tat-temp, imma jirrifjutaw is-sinjali li raw f’Ġesù.
Ġesù hawnhekk jgħid: “U għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57). Lin-nies qed iħeġġiġhom biex minn dak li jaraw jistgħu jiġġudikaw. Qed jgħidilhom: għandkom tiġġudikaw intom stess dak li hu sewwa. Qed jagħmel enfasi speċjalment fuq “intom stess”, jiġifieri qed jgħid: tħallux min iqarraq bikom u min imexxikom minn imneħirkom. Intom stess tistgħu taraw x’inhu s-sewwa. Nafu kemm hu veru dan li jgħid Ġesù, għaliex fil-Passjoni hekk naraw eżatt: in-nies immexxijin u mxewxin mill-kapijiet ta’ dak iż-żmien, li dawruhom kontra Ġesù, li ma ħallewhomx kapaċi jiġġudikaw huma stess x’inhu s-sewwa.
Ġesù jenfasizza kif għandna niġġudikaw dak li hu sewwa. Issa, forsi jkun hemm min jgħid: isma’, imma Ġesù f’mument ieħor ma qalx: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati” (Mt 7:1)? U hawnhekk, allura, kif qed jgħid biex niġġudikaw, u filfatt qed juża l-istess kelma? Nifhmu b’mod ċar dak li jgħid Ġesù meta nirrealizzaw li meta Ġesù qal “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati” (Mt 7:1), qed jgħid li ma niġġudikawx il-persuni: l-intenzjoni, il-qalb tagħhom, kif huma quddiem Alla. U jgħid li meta jidħlu l-persuni, inħallu l-ġudizzju f’idejn Alla, għax huwa biss jaf il-bniedem sħiħ, il-profondità tal-moħħ u tal-qalb. Hu biss jara r-realtà sħiħa. Hemmhekk fejn jidħlu n-nies. Imma fejn jidħlu s-sinjali li naraw, għandna niġġudikaw dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, dak li hu veru u dak li hu falz. Hu permezz ta’ hekk li nistgħu nimxu tassew fis-sewwa.
Dan l-Evanġelju jagħtina messaġġ importanti biex aħna stess inkunu dejjem miftuħa għal dawk is-sinjali li Alla jurina fil-ħajja tagħna personali, fiż-żminijiet tal-lum, u anke fl-Istorja. Imma jgħinna ukoll dan l-Evanġelju biex nirrealizzaw kemm hu mportanti li aħna jkollna l-ġudizzju ta’ dak li hu tajjeb u ta’ dak li hu ħażin. Ma nistgħux aħna, jew m’għandniex aħna, inħarsu lejn dak li qed jiġri, u ngħidu: “jien ma niġġudikax”. Jekk inti, pereżempju, responsabbli fil-post tax-xogħol, u responsabbli wkoll min-nies, u tara hemmhekk is-serq, il-qerq, l-frodi, l-abbużi ta’ kull tip, ma tistax tgħid inti: “jien ma niġġudikax”. Għax jekk tgħid hekk, int li int responsabbli, inti kompliċi ma’ min jagħmel il-ħażin. Il-ħażin jiffjorixxi meta ma naħdmux kontrieh u nibqgħu passivi, u nħalluh għaddej. Il-ħażin jittrijonfa meta niġġustifikawh; meta dak li hu ħażin insejħulu tajjeb, biex b’hekk nistgħu nibqgħu ngħumu fil-ħażen.
Nitolbu lill-Mulej biex jgħinna ħalli qalbna tkun miftuħa dejjem għas-sinjali li hu jurina f’ħajjitna, u nitolbuh ukoll biex jagħtina dejjem l-għajnuna, l-għerf tiegħu, ħalli niġġudikaw dak li hu sewwa, nimxu ma dak li hu sewwa, ħalli nkunu mexjin dejjem fit-triq li jurina hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju