-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Pompej, Marsaxlokk
17 ta’ Settembru 2017
“Intom il-bini ta’ Alla” (1 Kor 3, 9). Is-silta mill-appostlu Missierna San Pawl, li qrajna fit-Tieni Qari, tiftaħ din ir-riflessjoni: “Intom il-bini ta’ Alla”. Imbagħad ifisser lilu nnifsu bħala dak li poġġa l-pedamenti, ħaddieħor bena fuq dak li għamel hu (v. 10), imma hija ċara l-idea li “jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja” (S 126, 1).
Dak li ġara 50 sena ilu mill-predeċessur tiegħi, Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi, meta ġie u kkonsagra dan it-tempju, huwa konferma ta’ dan it-tagħlim li għaddielna l-appostlu Missierna. Il-konsagrazzjoni tat-tempju tal-ġebel, għandu jkun għalina tifkira dejjiema li aħna l-bini ta’ Alla, li aħna mibnija fuq is-sisien li qiegħdu l-appostli, imma l-blata msaħħa li żżomm kollox hija Kristu.
L-Evanġelju jfakkarna fil-laqgħa f’Ċesarija ta’ Filippi meta Ġesù ried ikun jaf x’jaħsbu n-nies dwaru u poġġa din id-domanda lid-dixxipli tiegħu: “Imma intom, min tgħidu li jien?”. Pietru, imnebbaħ mis-sema jgħidlu: “Inti l-Messija Bin Alla”. U l-Mulej jgħidlu: “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U inti, Pietru, inti blata u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (ara Mt 16, 15-18). Hawnhekk insibu wkoll xbieha oħra ta’ Knisja mibnija fuq blata, il-blata samma tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Marija, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Imma aħna l-bini tagħha.
San Pawl jgħidilna wkoll li aħna t-tempju ta’ Alla (1 Kor 3,17). Kull wieħed u waħda minna mmarkat bis-sinjal tas-salib fil-Magħmudija u kkonsagrat biż-żejt tal-Griżma, bħalma kienu kkonsagrati l-ħitan ta’ dan it-tempju, bil-Griżma tal-Isqof. Ilbieraħ ġejt hawnhekk jien u biż-żejt tal-Griżma dlikt 35 żagħżugħ u żagħżugħa minn din il-parroċċa.
Is-santwarji ma nagħmluhomx għat-titlu imma biex minnhom ikun hemm devozzjoni qawwija
Huwa ta’ ferħ kbir għalija li jiena u nħares lejn l-irħama li tfakkar dak li ġara 50 sena ilu, naqra l-aħħar frażi meta dak iż-żmien kien hawn preżenti l-kappillan Dun Alfred Xuereb. Illum għandna l-grazzja li 50 sena wara nistgħu ngħidu l-istess, imma mhux kappillan biss imma wkoll Monsinjur tal-Kapitlu Metropolitan, Mons. Alfred Xuereb.
Kif taf inti, Mons. Xuereb, din is-sena, fuq talba tas-suċċessur tiegħek, Dun Luke Seguna, inti xtaqt u jiena aċċettajt bil-ferħ, li dan it-tempju li ġie kkonsagrat 50 sena ilu, ikun santwarju. Nerġa’ nirrepeti lilkom għażiż membri Xlukkajri ta’ din il-parroċċa: Dan irid ikun santwarju ta’ devozzjoni lejn il-Madonna u lejn it-talba tar-Rużarju. Għax aħna s-santwarji ma nagħmluhomx għat-titlu imma biex minnhom ikun hemm devozzjoni qawwija lejn xi virtù jew inkella devozzjoni.
Meta tiftakru u tħarsu lejn dawn it-tnax-il salib tal-konsagrazzjoni ftakru f’dik l-espressjoni sabiħa tal-appostlu Missierna: “Intom il-bini ħaj tal-Mulej”. U dan ifisser li aħna rridu nitħabtu biex inkunu ta’ Ġesù u ma’ Ġesù. Ġesù kontinwament se jistaqsina: “Imma jien min jien għalikom? Intom min tgħidu li jien?” Aħna x’se nirrispondu? Nirrispondu: Inti s-Salvatur tagħna, inti l-mexxej tagħna, inti r-ragħaj tagħna, inti l-Ewkaristija li tgħajjixna, inti dak li taħfrilna dnubietna, inti Iben Marija, inti li fik naħsbu meta nitolbu t-talba sabiħa tar-rużarju, inti l-isbaħ talba fil-konsagrazzjoni tagħna għax tridna tiegħek u miegħek.
Il-Knisja hi d-dar ta’ Alla, id-dar tal-komunità.
Aħna llum nitolbu b’sens ta’ gratitudni lil kull min ħadem għall-bini ta’ dan it-tempju u għat-tisbiħ ta’ dan it-tempju. Nitolbu biex dan it-tempju jkompli jitnaddaf għax hemm ħafna ħidma moħbija li l-Mulej biss jafha: min jaħsel il-knisja, min jipprepara l-fjuri, min jaħsel it-trieħi tal-artal, min inaddaf, min jirranġa l-microphones, u tant affarijiet oħra li jridu ħidma umli mingħajr ħafna storbju.
U aħna rridu nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant benefatturi għax biex iżżomm knisja mhux b’xejn. Jiena nirringrazzjakom talli meta Dun Luke jitlobkom tkunu ġenerużi miegħu, tobduh; mhux għal wiċċu imma għall-ġid tal-komunità. Issa aħna jista’ jkollna knisja sabiħa, Fr Luke, imma jekk tkun vojta mhux tajjeb. Il-Knisja hi d-dar ta’ Alla, id-dar tal-komunità.
Ngħidilkom kelma tal-aħħar: ħudu ħsieb li minn ġenerazzjoni għal oħra din il-knisja mbierka, ikkonsagrata, tibqa’ d-dar tax-Xlukkajri, tibqa’ d-dar fejn aħna nkunu at home. Nibqgħu nitkellmu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija u mal-Madonna ta’ Pompej li tant inħobbu. U jalla l-barka tal-Mulej tinżel fuq il-familji kollha tagħna, tberikna u tqaddisna. Ammen.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-