L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”. Dan hu l-kliem li Ġesù qal lin-nies meta dawn marru jfittxuh, u fl-aħħar sabuh, u allura kienu kuntenti li sabuh. Imma Ġesù, l-ewwel ħaġa li qalilhom hija li kienu qed ifittxuh għax kienu kielu u xebgħu.

Dawn kienu n-nies li kienu semgħu lil Ġesù, imbagħad Ġesù temagħhom bil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, fejn ir-rakkont jgħid li kielu kemm riedu; u allura marru warajh għax raw fih dak li jista’ jipprovdilhom il-ħobż u l-affarijiet neċessarji. U Ġesù jgħidilhom: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, imma għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”.

Imbagħad jgħinhom biex jagħmlu mistoqsija importanti. In-nies jistaqsuh: “X’għandna nagħmlu?” Din hi mistoqsija li nsibuha kultant fil-Kelma ta’ Alla f’mumenti importanti. Pereżempju, meta Ġwanni l-Battista kien ħareġ jippriedka u qal lin-nies biex iħejju t-triq għall-Mulej, diversi nies staqsewh din il-mistoqsija: “x’għandna nagħmlu?” U meta f’Għid il-Ħamsin — naqrawha ftit ġimgħat oħra — San Pietru ħareġ biex jagħti l-Aħbar li Ġesù hu ħaj, l-ewwel mistoqsija tan-nies kienet: “x’għandna nagħmlu?”

Din hi l-mistoqsija li għamlu lil Ġesù. U t-tweġiba ta’ Ġesù hi l-ewwel nett li jemmnu. Jemmnu f’dak li Alla bagħat fid-dinja biex jifdi lill-bniedem – li jemmnu fih. L-ewwel ħaġa, iktar milli nagħmel hekk jew ma nagħmilx hekk, hi li nemmen f’Ġesù u jkolli fiduċja fih – biex imbagħad ikun hu li jurini dak li għandi nagħmel, u jurini dak li jgħaddi u dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Meta tassew nemmnu f’Ġesù, u jkollna din ir-relazzjoni miegħu, hu jurina dawk il-valuri li jibqgħu.

Meta Ġesù jgħid, “tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi”, mhux qed jgħid li aħna ma nirsistux għall-bżonnijiet tal-ħajja, fosthom l-ikel. Il-Knisja f’Malta stess bħalissa, flimkien ma’ għaqdiet volontarji oħra, qiegħda impenjata biex tqassam mijiet ta’ ikliet kuljum lill-familji li huma fil-bżonn. Imma Ġesù qed jgħid li kultant jiġri li aħna nirisistu ħafna għal dak li nistgħu nakkwistaw imma li se jgħaddi, u jekk ma noqogħdux attenti, nitilfu mbagħad dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Dan li jridna Ġesù: li aħna nagħrfu dak li jibqa’, u nużaw dak li jgħaddi b’mod li qatt ma nitilfu dak li jibqa’.

Meta tassew nemmnu f’Ġesù, u jkollna din ir-relazzjoni miegħu, hu jurina dawk il-valuri li jibqgħu. Pereżempju, l-imħabba, il-paċi fil-qalb, il-ferħ, il-ħidma għall-ġustizzja u għall-onestà, ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem għax kull bniedem xbieha ta’ Alla, il-ħarsien tal-ħolqien li hu don ta’ Alla, l-impenn għal dawk li huma fil-bżonn, għall-vulnerabbli. F’dawn kollha, meta aħna ngħixu dawn il-valuri, qed nibnu xi ħaġa li tibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Hi l-kelma ta’ Ġesu stess li qalilna: dawn mhumiex affarijiet li jgħaddu. Dawn mhumiex affarijiet li jixtraw. Ma tistax tixtri l-imħabba, il-paċi tal-qalb, il-ferħ. Meta ssibhom u tgħixhom, dawn jibqgħu tassew u ma jkunux bħal affarijiet oħra li jgħaddu.

Dan iż-żmien li qed ngħixu fih uriena, jekk aħna rridu tassew nirriflettu, dak li jibqa’ u dak li jgħaddi. It-talba li nagħmlu lil Ġesù llum fil-quddiesa hi li jkun hu li jsaħħaħ il-fidi tagħna fih, u jkun hu li jurina tassew għalfejn għandna nitħabtu fil-ħajja. Biex aħna nitħabtu għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, u nużaw il-ġid li għandna, nużaw dak li jgħaddi, b’mod li qatt ma nitilfu dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju