L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Jien kont magħmul xandar u appostlu biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità”. Dan il-kliem tal-Appostlu Missierna fl-ewwel ittra tiegħu lil Timotju, ifisser il-kariżma u l-vokazzjoni ta’ San Duminku. Kien magħmul xandar u appostlu. Il-merti u l-prestiġji tiegħu fis-saltna ta’ Alla ixebbhu ħafna mal-appostli. Wara kollox, il-kariżma tiegħu nibtet fix-xewqa tiegħu li jkun dixxiplu missjunarju, xi ħaġa li l-Papa Franġisku jirrepeti diversi drabi fl-Ittra li bagħat lill-Ordni Dumnikan illum bit-titlu sabiħ Praedicator Gratiae (Predikatur tal-Grazzja). Il-Papa Franġisku, li għandu għal qalbu din il-frażi, dixxipli missjunarji, iħares lejkom, ulied San Duminku, u jitlob fuqkom din il-barka: li tkomplu tkunu xandara, appostli, u mibgħuta biex tgħallmu lill-ġnus il-fidi u l-verità.
Punt ieħor li laqatni mill-ittra li l-Papa bagħat illum lill-Ordni, hija l-insistenza tal-Papa Franġisku fuq il-kontribut tal-Ordni Dumnikan favur id-dinjità tal-persuna umana. Meta tħares lejn il-missjoni li fiha l-Mulej għaġġen lil San Duminku, nifhmu li fil-missjoni tiegħu lejn il-Katari jew l-Albiġiżi, kellu jiddefendu d-dinjità ta’ kull persuna umana li hija don maħluq minn Alla. Kull persuna umana hija unika, hija don irrepetibbli. Il-Katari kultant kellhom ukoll din l-idea — li għadha magħna — li r-ruħ tmur issib ġisem ieħor. Mentri Duminku huwa u jipprietka l-verità fuq il-ħolqien ta’ Alla li ħalaq lil kull wieħed u waħda minna fuq xbieha tiegħu, jinsisti fuq l-uniċità, fuq il-fatt li kull wieħed u waħda minna, aħna ħolqien partikolari ħiereġ mill-id ħanina tal-Mulej permezz tal-ġenituri tagħna imma wkoll mir-rieda tiegħu li jġedded lid-dinja.
Il-Papa jirreferi wkoll għat-tagħlim fuq il-qdusija li tana fl-eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (Ifirħu u Thennew). Allura nifhmu li qed japprezza l-fatt li Duminku ta’ Guzmán, meta jħares lejn it-tentazzjoni tal-Katari, li jiddisprezzaw dak kollu li hu materja, li jiddisprezzaw iż-żwieġ, li jiddisprezzaw is-sesswalità umana, il-ġisem, kienu qegħdin ukoll jiddisprezzaw il-misteru qaddis tal-Iben ta’ Alla li sar ġisem magħmul bniedem. Il-Katari ma kinux jiżżewġu, veru li kien ikollhom it-tfal imma kienu jiddisprezzaw il-ġisem. Fl-istess ħin, dak li l-Papa jsejjaħlu n-Neo-Njostiċiżmu, San Duminku ssielet biex fil-Knisja aħna niġġeddu fit-tagħlim tal-qdusija tas-sagrament taż-żwieġ. Duminku ssielet għat-tagħlim veru li kulma ħalaq Alla hu tajjeb u li ż-żwieġ bierku bħala sagrament; li l-bniedem — għalkemm dgħajjef u midneb — huwa msejjaħ għall-qawmien mill-imwiet.
Il-Katari, għalkemm kienu ta’ eżempju, kienu jgħixu l-faqar, b’ċertu distakk fil-ħajja, imma kellhom din it-tentazzjoni li jaħsbu li huma perfetti, elitisti. Donnu ma kellhomx bżonn jirreferu għall-ħniena ta’ Alla u forsi dinbu wkoll, mingħajr ma niġġudikaw l-intenzjonijiet, bin-Neo-Pelaġjeniżmu. X’ikun dan? Dik it-tentazzjoni li ngħid li m’għandix bżonn lil Alla u li se nimxi ’l quddiem u se nsalva bil-qawwa tiegħi. Hija wkoll tentazzjoni attwali ta’ soċjetà li donnha m’għandhiex spazju u ħin għal Alla, soċjetà li donnha m’għandhiex bżonn lil Alla.
Hu u jgħallem l-Evanġelju tal-ħniena ta’ Alla, San Duminku ma jitkellimx biss mill-esperjenza personali ta’ bniedem midneb imma mifdi mill-Mulej, imma jipprietka wkoll il-ħniena ta’ Alla. Għax it-titlu sabiħ u antik ta’ San Duminku bħala predikatur tal-grazzja (praedicator gratiae) ifakkarna li fil-missjoni li afda lil uliedu, ried iwassal mhux biss il-verità tal-fidi imma wkoll il-verità fundamentali li Alla huwa mħabba u li, kif jgħid il-Papa Franġisku fit-tagħlim tiegħu — b’mod speċjali fit-tagħlim li tana fis-sena tal-ħniena u kif tgħallem il-liturġija fit-talb tagħha — Alla juri l-qawwa tiegħu meta jħenn. Allura l-imħabba ta’ Alla fil-konfront ta’ kull wieħed u waħda minna għandha isem. Hija l-ħniena. Din il-ħniena aħna ma naqilgħuhiex għax aħna bravi jew għax irbaħna xi lotterija imma għaliex Alla ħabbna qabel ħabbejnieh aħna. Il-ħniena tiegħu hija wkoll grazzja, hija b’xejn. “Ejjew kulu u ixorbu b’xejn”. Aħna t-tentazzjoni tagħna tkun li nagħmlu għalina nfusna bjar imxaqqin li ma jżommux ilma. Imma l-Mulej isawwab fuqna in-nida tal-grazzja u l-ħniena tiegħu.
L-Ordni Dumnikan għal din is-sena ċentinarja li tfakkar it-800 anniversarju mill-mewt tal-glorjuż Duminku ta’ Guzmán , għażel it-tema conviviatur, tal-aħwa miġburin madwar Duminku fuq il-mejda. Wara kollox, l-ikona l-iżjed antika tiegħu hija mpittra fuq mejda li mhux biss tpinġi lil San Duminku fuq mejda, imma fuq mejda ma’ 48 patri. Din hi l-ewwel rappreżentazzjoni ta’ Duminku ftit wara l-kanonizzazzjoni tiegħu għax għandu wkoll ir-raġġiera tal-qaddisin. Jien nimmaġina li Duminku ta’ Guzmán kien magħruf għall-ferħ kontaġġjuż tiegħu, li l-preżenza tiegħu fuq il-mejda ma kinitx biss ta’ bniedem li kull loqma ħobż li jiekol jafha lill-providenza tal-Mulej u kultant bit-talb tiegħu ġebbed naqra l-mantell tal-Missier biex jipprovdi x’jieklu u x’jixorbu. Impressjonatni li ma kienx jitlob għall-ilma imma kien jitlob għall-inbid. Ma tantx kien jaħli enerġija imma hemm diversi tradizzjonijiet qawwija tal-interċessjoni tiegħu li l-patrijiet imġewħa tipprovdilhom x’jieklu.
Madwar il-mejda kulħadd għandu l-platt quddiemu; kulħadd huwa fuq l-istess livell, apparti li għandu l-istess ġuħ, għax il-mejda tgħaqqadna fl-istint l-iżjed primittiv tagħna. Aħna madwar il-mejda, aħna lkoll imġewħin u għatxana. Aħna min aħna? Għandna kemm għandna penzijiet. Madwar il-mejda l-bniedem jifhem ukoll jgħix flimkien. Nieklu dak li l-Mulej ipprovda b’sens ta’ gratitudni. Duminku — li huwa magħruf li jitkellem ma’ Alla jew jitkellem fuq Alla — bl-eżempju tiegħu kien inissel f’ħutu l-għatx mhux biss għall-inbid imma għall-imħabba, għal dak l-ispirtu li tassew joħloq ir-rabta bejn l-aħwa, l-ispirtu ta’ mogħdrija u komprensjoni, l-ispirtu ta’ umiltà li ma jżommx rankur lejn xi ħadd imma li kull loqma ħobż li jiekol, hija mbierka mill-paċi tal-qalb.
Duminku, bħal Franġisku ta’ Assisi, u din xi ħaġa li l-Papa Franġisku jfakkarha wkoll fiha, qabad l-Evanġelju u għamlu tiegħu mhux biss billi jitgħallem bl-amment l-evanġelji u l-ittri ta’ San Pawl imma wkoll bl-eżempju u bil-kelma. Din hija xi ħaġa li aħna wkoll nitolbu għal kull membru tal-familja Dumnikana. Fl-ittra tiegħu l-Papa jfakkar u jsellem mhux biss lill-aħwa patrijiet imma wkoll lis-sorijet Dumnikani kontemplattivi u attivi, lil-lajċi ispirati mill-ispiritwalità Dumnikana u lil tant missjunarji li madwar id-dinja kienu u għadhom wkoll xandara u appostli li jgħallmu l-ġnus il-fidi u l-verità.
Ta’ min nistaqsu: Duminku ta’ Guzmán , għadu attwali llum? Id-dinja għandha għatx kbir għall-grazzja ta’ Alla, għall-ħniena tiegħu u għall-verità li jrid joffri l-Mulej. Sakemm ikun hemm dak l-għatx, se jkun hemm bżonn tal-kariżma li l-Mulej tana permezz ta’ dan ir-raġel ġwejjed, għaref, umli, u ferħan.
Bħal-lum infakkru t-traslazzjoni tal-korp għażiż tiegħu, il-bidu tal-proċess li wassal għall-kanonizzazzjoni tiegħu. Il-kummentaturi ta’ żmien jitkellmu dwar il-biża’ tal-patrijiet li fil-qabar ta’ Duminku li kien għadu miftuħ għall-ambjent u għall-maltemp kollu, isibu l-ħerba, is-sinjal li mit-trab ġejna u għat-trab nerġgħu mmorru. Imma l-esperjenza ta’ din il-fwieħa qawwija li ħarġet mill-fdalijiet ta’ San Duminku prattikament 12-il sena wara l-mewt tiegħu u li titfakkar fl-esperjenza tal-lum, hija sinjal qawwi ta’ dik il-kelma li jinsisti fuqha l-Appostlu Missierna San Pawl: “Intom il-fwieħa ta’ Kristu”. Kemm tkun ħaġa sabiħa li bil-kelma u bl-eżempju tagħna nkunu dik il-fwieħa ta’ Kristu Rxoxt.
Ġimgħa qabel il-mewt tiegħu, Ġesù kien Betanja u ħut Lazzru, b’mod speċjali Marija, ġabu fwieħa tiswa ħafna flus u biha dilku riġlejn il-Mulej b’sinjal ta’ gratitudni li reġġagħlhom mill-mewt lil ħuhom Lazzru. Il-Mulej jgħid li dak il-ġest jibqa’ mfakkar u li kienet preparazzjoni wkoll għad-difna tiegħu. San Ġwann jgħidilna: “Id-dar kollha mtliet bil-fwieħa” (Ġw 12:3). Ejjew nitolbu biex il-komunitjiet Dumnikani tagħna, l-ambjenti fejn tgħix il-kariżma Dumnikana ta’ kull grad, u ta’ kull ambjent, iġġorr il-fwieħa ta’ Kristu li miet u qam mill-imwiet. “Jien kont magħmul xandar u appostlu biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità”. Nirringrazzjaw lill-Mulej talli f’San Duminku tana don tassew kbir.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4:32-35
Salm: 96,1-3,7-8a,10
Evanġelju: Mt 28:16-20