L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom u ma jkollkomx għax tistħu” (Salm 33:6). Dan il-vers mis-salm li qrajna llum f’dil-festa solenni joqgħod tajjeb ħafna għall-esperjenza li kellhom l-Appostli Pietru u Pawlu. It-tnejn li huma kellhom ix-xorti jitfgħu l-ħarsa tagħhom fuq Ġesù. Pietru ħares lejn Ġesù kemm-il darba meta dan kien fostna. L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem kien fostna, jgħallem, iterraq u jagħmel il-ġid. L-Appostlu Missierna San Pawl tefa’ ħarstu lejn Ġesù fit-triq ta’ Damasku meta qrib nofsinhar, waqt li qiegħda tiżreġ ix-xemx, fid-deżert li jdawwar tal-oasi ta’ Damasku, dawl jiżboq ix-xemx idda fuqu: “‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?’ Hu wieġeb: ‘Min int, Mulej?’ u l-leħen wieġbu: ‘Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah’” (Atti 9:4-5).
It-tnejn li huma b’mod differenti ħarsu lejn Ġesù. Forsi l-ħarsa ta’ Ġesù li l-iżjed nifdet il-qalb ta’ Pietru kienet wkoll ħarsa li Ġesù tefa’ fuqu f’mument ta’ dgħufija u ta’ ċaħda, meta Pietru għal tliet darbiet ċaħad li kien jafu u ħalef: “Dan ir raġel ma nafux jien.” Tkellem bil-biża’ fejn qabel kien hemm iċ-ċertezza. Tkellmet dik ix-xewqa li jibqa’ jgħix u ma jiġix ikkundannat mal-Imgħallem tiegħu. “‘Int ukoll wieħed minnhom’ […] ‘Le, sieħeb, m’iniex!’ […] ‘Dan ukoll mill-Galilija’” (ara Lq 22:54-62).
Wara li jiċħad lill-Mulej Ġesù, Pietru jiltaqa’ mal-ħarsa tiegħu. Dik il-ħarsa ta’ Ġesù, ħarsa mimlija mħabba lejn ħabib li sar traditur, lil Pietru tibdillu ħajtu u nfaqa’ f’bikja kbira. Raġel misjur fiż-żmien, sajjied li jaf xi tfisser it-tbatija, bniedem żbukkat li kien sema’ wkoll il-kelma tal-Mulej, “fuqek jien nibni l-Knisja tiegħi”, meta jiġi fil-mument ta’ prova jogħtor u jelgħeb, imma mbagħad qalbu tinħall bl-indiema ta’ vera u jinfexx f’bikja kbira. Il-ħarsa ta’ Ġesù kollha ħniena, kollha mħabba kollha manswetudni. “Ħarsu lejh. Ħarsu lejh.”
Anke Pawlu, l-Appostlu Missierna, hu u sejjer lejn Damasku biex jarresta u jġib quddiem il-qassisin il-kbar dawk kollha li kienu fit-triq, li ħaddnu t-triq kif kienet tissejjeħ il-fidi f’Ġesù, dawk l-ewwel żminijiet bikrin. Jiltaqa’ mal-Mulej li jgħallmu li dak li qed jagħmel mal-Knisja qed jagħmlu mal-Mulej stess. “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah” (Att 9:5). Dik il-ħarsa, lil Pawlu toħodlu d-dawl. Wara dik il-ħarsa jitlef il-kapaċità li jara fiżikament. Ikollhom imexxuh sa Damasku u jerġa’ jieħu d-dawl meta f’qalbu jinżel id-dawl vera tal-Ispirtu s-Santu bil-magħmudija, u jitgħammed. Il-qawwa tal-Ispirtu tiftaħ beraħ il-qalb ta’ Pawlu għad-dawl vera. Il-ħarsa ta’ Ġesù, lil Pawlu għaddietu mid-dlam għad-dawl veru. “Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, u ma jkollkomx għax tistħu” (Salmi 34:6).
Quddiem id-dinja, kemm Pietru u anke Pawlu — għalhekk nagħmlu l-festa tagħhom it-tnejn illum — kienu kkundannati bħala nies mill-agħar li ħaqqhom il-mewt. Pietru kien ikkundannat għat-tislib għax ma kienx ċittadin Ruman. Din is-sentenza kapitali kienet tingħata lil dawk li ma kinux ċittadini Rumani u dawk li huma l-agħar nies, il-ħallelin u l-qattiela. Pietru, jgħidilhom li hu mhux se jissallab bħall-Mulej tiegħu u t-tradizzjoni tgħidilna li ssallab rasu ’l isfel u saqajh ’il fuq. Min-naħa l-oħra, Pawlu, għax kien ċittadin Ruman, qatgħulu rasu, għax dik kienet il-piena kapitali għaċ-ċittadini Rumani li, mneżżgħin minn kull dinjità u miċ-ċittadinanza wkoll, huma merħija għall-mewt.
Quddiem id-dinja, it-tmiem ta’ dawn żewġt irġiel, hu tmiem ta’ mistħija. Ikkundannati mill-awtoritajiet, iċċensurati, ikkastigati, umiljanti u kkalzrati. “Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom u ma jkollkomx għax tistħu.” Id-dinja, bil-kriterji tagħha, tħares lejhom bħala nies li jġibu mistħija.
Imma s-salm isir vera fil-ħajja tagħhom u fil-mewt tagħhom. “Ma jkollkomx għax tistħu. Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, u mid-dwejjaq tiegħu kollha il-Mulej ħelsu” (Salm 34:7). Dan il-vers tas-salm responsorjali llum hu konferma ta’ dak li qrajna fl-ewwel qari meta Pietru jintbagħat il-ħabs f’Ġerusalemm u bit-talb tal-Knisja jinħeles. L-Appostlu Missierna hu stess jgħid kemm-il darba kien mitfugħ il-ħabs, qala’ s-swat, ġie misruq, periklu mill-ħallelin, kemm-il darba ra n-nawfraġju, inkluż fostna, u l-Mulej ħelsu. Ma ħelsux l-Mulej mix-xewka li kienet tumiljah. “Tlett darbiet tlabt lill-Mulej biex titbiegħed minni” (2 Kor 12:8). Ma jgħidilniex x’inhi ħlief li hi messaġġiera tax-Xitan. U l-Mulej qallu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi, għax il-qawwa tiegħi tidher sewwa sew fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9).
Mela dawn l-Appostli juruna li l-glorja li għandhom u li niċċelebraw illum mhix frott tal-bravura tagħhom imma hi opra, ngħiduha kif inhi, hi kapolavur tal-ħniena u tal-grazzja ta’ Alla. Iżda għalina, l-istennija x’inhi? Ejjew nilqgħu din l-istedina li bl-umiltà mmorru għand tabib għax aħna morda, li bl-umiltà mmorru għand min jista’ jfejjaqna għax aħna għandna bżonn il-fejqan. Ejjew kull wieħed u waħda minna, ngħoxew nirringrazjaw lil Alla li aħna kapolavuri tal-ħniena tiegħu.
“Min jgħid li ma għandux dnub, qed iqarraq bih innifsu.” Min jgħid li għandu bżonn il-ħniena ta’ Alla, jirċiviha. Iħares lejh, lejn il-Mulej, u jiddi bil-ferħ wiċċu, u ma jkollux għalfejn jistħi. L-għadu, ix-Xitan, u l-aġenti kollha tiegħu li jduru ma’ saqajna, ifakkruna fid-dgħufijiet tagħna biex jumiljawna u jaqtgħulna qalbna. Il-Mulej ifakkarna biex jistedinna għal post aħjar, għall-maturazzjoni vera, għal-laqgħa mal-ħniena tiegħu. Allura aħna wkoll, fil-faqar tagħna, insejħu lill-Mulej, u hu jismagħna, bl-interċessjoni tal-Appostli Pietru u Pawlu. Jeħlisna mid-dwejjaq kollha tagħna jekk biss nafdaw fih. “Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom.” Aħna u niċċelebraw il-festa tal-Appostli Pietru u Pawlu, niftħu l-qalb tagħna għall-ħniena tal-Mulej biex jkollna l-ferħ ta’ vera u l-paċi tassew.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 12:1-11
Salm: 33:2-9
Qari II: 2 Tim 4:6-8,17-18
L-Evanġelju: Mt 16:13-19