L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Fil-festa ta’ San Ġużepp ta’ din is-sena qegħdin niċċelebraw l-Ewkaristija f’ċirkustanzi speċjali li wassluna f’riġlejn din l-istatwa għażiża f’dan l-Oratorju għażiż li għal sekli huwa ddedikat lill-patrijarka San Ġużepp.
Din is-sena hija sena li nistgħu nsejħulha wkoll Ġużeppina għaliex fit-8 ta’ Diċembru li ġej, ’k Alla jrid, niċċelebraw il-150 sena minn meta l-Beatu Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp patrun tal-Knisja universali.
Wieħed mit-titli sbieħ li ppromulga u xandar mad-dinja San Ġwann Pawlu II huwa Redemptoris Custos il-Ħarries tal-Feddej, tar-Redentur. San Ġużepp, patrun tal-Knisja universali, huwa dak li ġie magħżul minn Alla biex iħares il-ħajja tal-Imgħallem Divin, jgħallmu s-sengħa ta’ mastrudaxxa u jieħu ħsiebu sakemm kienet trid il-providenza tal-Missier.
Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna minn San Mattew, nirrealizzaw li l-missjoni ta’ San Ġużepp kienet ukoll missjoni li ma jħarisx biss lill-Iben imma fuq kollox lill-omm li kellha ġġorr lill-Iben u twelldu. San Ġużepp huwa dak li jħares il-fama tajba ta’ Marija, li jħarsilha ħajjitha, għaliex il-liġi kienet tagħtih ukoll is-setgħa li jħaġġarha u kieku għamel hekk, kien joqtol lilha u lit-tarbija. Ta’ bniedem ġust li kien, il-Mulej tah qalb ġeneruża li biha ried isalva lill-omm u lit-tarbija. U l-Mulej nebbħu biex ma jibżax jilqa’ lil din il-mara, Marija, għaliex it-tarbija li kellha fil-ġuf kienet frott l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.
Il-qalb ta’ San Ġużepp tgħożż l-identità tat-tarbija, anzi jingħata l-privileġġ u l-missjoni li jagħtih l-isem: Ġesù.
San Ġużepp jiġi afdat bl-identità tat-tarbija. Il-qalb ta’ San Ġużepp mill-bidu nett tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni, il-misteru li Alla jsir bniedem, mill-bidu nett tiegħu. Il-qalb ta’ San Ġużepp tgħożż l-identità tat-tarbija, anżi jingħata l-privileġġ u l-missjoni li jagħtih l-isem: Ġesù. U ma’ dan l-isem l-anġlu tal-Mulej jispjega lil Ġużeppi għaliex l-Iben ta’ Alla kellu jsir bniedem. “Hu jsalva “l-poplu tiegħu minn dnubietu” (Mt1:21). San Ġużepp, sa mill-bidu tat-tnissil ta’ Ġesù, jaf x’inhi l-missjoni tat-tifel u għalhekk hu ma jħarisx biss il-ħajja fiżika ta’ Ġesù imma jsir ukoll dak li jħares il-missjoni ta’ Ġesù.
Illum nitolbu ’l San Ġużepp għad-dinja kollha biex hu li ħares il-misteru tal-Iben t’Alla li jsir bniedem, il-Misteru tal-Inkarnazzjoni sa mill-bidu nett, ikompli jħares il-preżenza ta’ Ġesù fl-għarusa tiegħu, il-Knisja mad-dinja kollha. Aħna dejjem nitolbuh jinterċedi għalina imma jiena nixtieq illum nitlob lil San Ġużepp talba speċjali biex iħares id-dinja u b’mod speċjali l-gżejjer tagħna f’dan il-mument ta’ bżonn kbir.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Sam 7: 4-5a.12-14a.16
Salm: 88
Qari II: Rum 4: 13.16-18.22
Evanġelju: Mt 1: 16.18-21.24a