L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

San Ġużepp huwa l-qaddis li fl-Evanġelju nsibuh kważi dejjem f’mument ta’ kriżi. Mhux kriżi li ħoloqha hu, imma kriżi li tiġi ma’ wiċċu. L-Evanġelju tal-lum hu każ minnhom: hu ma setax jifhem x’qed jiġri, kif Marija kien se jkollha tarbija. Imma anke meta twieled Ġesù, rah jitwieled f’għar. Wara li twieled, kellu jitlaq lejn l-Eġittu minħabba li Erodi kien qed ifittex li joqtol lil Ġesù. F’mument ieħor iktar ’il quddiem, tilef lil Ġesù fit-tempju. Qisu dejjem f’mumenti diffiċli, mumenti ta’ kriżi.

Imma jolqtok ħafna kif hu jġib ruħu f’dawn il-mumenti, x’inhu li jispirah f’dawn il-mumenti diffiċli fil-ħajja tiegħu. Ħa nsemmi tliet affarijiet li jolqtuni f’San Ġużepp, li għandhom messaġġ għalina fiż-żmien diffiċli li qed ngħixu bħalissa.

L-ewwel nett, San Ġużepp kellu fiduċja kbira f’Alla. Qiegħed dejjem il-fiduċja fih. F’dawn il-mumenti diffiċli, dejjem sema’ dak li ried jgħidlu Alla. Ukoll meta kellu pjanijiet differenti, meta kien qed jaħseb f’xi ħaġa differenti, sema’ l-messaġġ ta’ Alla u qiegħed il-fiduċja fih. Kellu don speċjali: li fl-irqad u fil-ħolm jiġuh l-isbaħ u l-aħjar ideat – mhux kulħadd għandu dan id-don. Imma kien lest li jilqa’ dak li Alla jispirah, u bis-saħħa ta’ hekk dejjem mexa fit-triq li wrieh Alla.

It-tieni, San Ġużepp insibuh diversi drabi jaħdem biex jipproteġi l-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Marija. Hu l-protettur tal-ħajja tagħhom. Kien qed ifittex li jipproteġi lil Marija anke qabel ma kien jaf x’se jiġri. Aktar ’il quddiem, kellu jkun hu li jaħseb kif dejjem jiipproteġi l-ħajja. Il-protezzjoni tal-ħajja kienet dejjem fuq quddiem nett fil-konsiderazzjonijiet tiegħu. Dejjem jaħseb kif jista’ jħares il-ħajja ta’ dawk l-aktar għeżież għalih.

It-tielet, San Ġużepp kien bniedem li ma ssibx kelma li qal, imma ssibu jisma’ u jieħu azzjoni. Jisma’ u jagħmel dak li għandu jagħmel. M’hemmx ħafna diskors – ma ssibx x’qal, imma ssib lilu jisma’ u lilu jagħmel.

Kultant ħafna diskors mhux dejjem jgħin. Il-kriterju tagħna għandu jkun: dan li se ngħidu jagħmel il-ġid? Bħal San Ġużepp għandna nisimgħu, u nagħmlu dak li għandna nagħmlu.

Dawn it-tlieta huma ta’ għajnuna għalina, ukoll f’dan iż-żmien diffiċli li qegħdin ngħixu. L-ewwel, li aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Alla. Qalb id-diffikultajiet kollha, il-biża’ li kultant inħossu u l-ansjetà, bħalma ħass San Ġużepp diversi drabi, inqiegħdu l-fiduċja f’Alla li jgħinna, iħarisna, imexxina.

It-tieni, li bħalu aħna naħdmu għall-protezzjoni tal-ħajja: ta’ dawk l-aktar għeżież għalina, tagħna stess, tas-soċjetà kollha.  Għalhekk li dawk il-miżuri li huma intenzjonati biex jipproteġu l-ħajja u s-saħħa tan-nies aħna nkunu minn ta’ quddiem li nimxu magħhom u naraw li n-nies jimxu magħhom. Ħalli tassew il-protezzjoni tal-ħajja tkun dejjem dik li tmexxina f’ħajjitna.

It-tielet, li aħna nkunu nies li jisimgħu, li nieħdu azzjoni fejn għadna nieħdu azzjoni, u forsi nparlaw inqas. Kultant ħafna diskors mhux dejjem jgħin. Il-kriterju tagħna għandu jkun: dan li se ngħidu jagħmel il-ġid? Bħal San Ġużepp għandna nisimgħu, u nagħmlu dak li għandna nagħmlu.

Nitolbu lil San Ġużepp biex ikompli jispirana hu, iħarisna, jidħol għalina u għal pajjiżna wkoll f’dan iż-żmien, imma wkoll li jgħallimna bl-eżempju sabiħ tiegħu, ħalli aħna bħalu nagħżlu l-isbaħ triq – it-triq li jurina Alla u li San Ġużepp għażel b’tant paċi fil-qalb, tant ħeġġa u tant imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju