L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Anke f’dan l-Evanġelu mill-kap 21 ta’ San Luqa, Ġesù jżewweġ dawn iż-żewġ esperjenzi: waħda li ġrat. Wara żmienu; xi 40 sena wara l-mewt tiegħu, fis-sena 70, il-qerda ta’ Ġerusalemm mill-eżerċitu Ruman; u l-oħra li għadna ma esperjenzajniex, għadu ma għaddinhiex minnha, li hu tmiem tad-dinja li nafu aħna. Għal bniedem Lhudi, kif għedna, il-qerda ta’ Ġerusalemm, hi proprju qrib ħafna, il-qerda ta’ kollox. Kienet belt għażiża, u t-tempju tant kien għażiż għal kull persuna Lhudija; li l-qerda ta’ dawn l-affarijiet għeżież, tkun għalihom proprju qishom l-aħħar tad-dinja.

Ħafna drabi, anke aħna, meta ngħaddu minn esperjenza kbira u trawmatika, jgħidu li kienet qisha l-aħħar tad-dinja; imma d-dinja ma tkunx għadha spiċċat. Il-Mulej jitkellem ukoll dwar it-tmiem ta’ żminijiet li nafu aħna. Iwissina ħafna darbi biex nibqgħu dejjem b’għajnejna miftuħa; biex napprezzaw il-ħajja kemm hi għażiża u prezzjuża; imma fl-istess ħin ukoll, b’tant taqlib, u b’tant biża’ jgħid dik il-kelma lill-komunità tiegħu, u l-familja tiegħu: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28).

[Sta Katerina] kienet deċiżjoni tagħha, li hi ssir ta’ Ġesù, u tkun ta’ Ġesù. Erba’ snin wara ħalliet ħajjitha biex ma tiċħadx lil Ġesù.

Nieħdu l-każ ta’ Santa Katarina, din it-tfajla żagħżugħa, sabiħa, intelliġenti; li kellha tant opportunitajiet fil-ħajja, li kienet ġejja minn familja nobli. Hemm tradizzjoni li tgħid li kienet proprju t-tifla ta’ wieħed mir-rejiet. Kellha wkoll l-opportunità li tiżżewweġ lil dan li mbagħad sar wieħed mill-imperaturi, jew miċ-Ċesri ta’ żmienu, u kien jismu Massiminu Daia. Imma hi għażlet il-lealtà tagħha lil Ġesù. Hemm tradizzjoni li tgħid, hi ddeċidiet li ssir Nisranija ta’ 14-il sena. Kienet deċiżjoni tagħha, li hi ssir ta’ Ġesù, u tkun ta’ Ġesù. Erba’ snin wara ħalliet ħajjitha biex ma tiċħadx lil Ġesù.

“Qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28). Huma u jaqtgħulha rasha, Katerina, x’ħasset? X’ħasbet? X’kien hemm fil-qalb tagħha? Tgħid ftakret fil-Kelma ta’ Ġesù? “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Dan 6, 12-28
Salm: Dan 3, 68.69.70.71.72.73.74
Evanġelju: Lq 21, 20-28