Photo: Parish of St Nicholas of Bari, Siġġiewi

Sr Donia MC – soru Maltija mis-Siġġiewi mwielda Ruth Bonnici – għamlet il-professjoni perpetwa tagħha fi ħdan il-kongregazzjoni tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità.

Hija għamlet il-Professjoni Solenni tagħha f’Ruma flimkien ma’ 18-il soru oħra minn madwar id-dinja.

Iċ-ċerimonja saret waqt quddiesa kkonċelebrata mmexxija mill-Kardinal Luis Antonio Tagle, fil-knisja parrokjali ta’ Santa Giulia Billart f’Tuscolano f’Ruma.

Għall-okkażjoni marru numru ta’ qassisin mis-Siġġiewi, fosthom iz-ziju tagħha Mons. Prof. George Grima, Mons. Martin Micallef, u Dun Frans Buhagiar.

Preżenti kien hemm ukoll Fr Louis Caruana SJ, Fr Joseph Buhagiar, u Fr Kevin Schembri, flimkien mal-ġenituri tagħha, qraba, u ħbieb tagħha.

Id-deċiżjoni ta’ Sr Donia ġiet milqugħa mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola ta’ Bari fis-Siġġiewi u l-kleru u l-parruċċani tar-raħal, fosthom l-Arċipriet tas-Siġġiewi Fr Josef Mifsud.

Il-Parroċċa ħeġġet lin-nies iżommu lil Sr Donia fit-talb tagħhom. 

X’inhuma l-wegħdiet tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità?

Il-kongregazzjoni tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità twaqqfet minn Madre Teresa ta’ Kalkutta, li ġiet rikonoxxuta bħala qaddisa Kattolika fl-2016.

Biex issir membru tal-Ordni teħtieġ disa’ snin.

Membri tal-kongregazzjoni huma ordnati jirrispettaw il-wegħdiet li jagħmlu membri tal-ħajja kkonsagrata:

  • Tal-kastità
  • Tal-povertà
  • Tal-ubbidjenza

Iżda apparti hekk, għandhom ukoll ir-raba’ wegħda – wegħda unika għall-Ordni – “li jagħtu servizz b’xejn kompletament mill-qalb lill-ifqar fost il-fqar”.

Nitolbu għal Sr Donia biex tibqa’ b’saħħitha fil-vokazzjoni tagħha, dejjem leali lejn Alla u l-poplu tiegħu.

Source: Newsbook.com.mt