L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Qabad jitkellem sewwa”. Dan hu li qrajna fl-Evanġelju skont San Mark fuq dan ir-raġel li ma kienx jisma’ u ma kienx jitkellem sew, u ħaduh għand Ġesù biex ifejqu. Kien fl-inħawi tad-Dekapoli, u Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb il-folla, u fejqu b’mod li dan beda jisma’ u jitkellem.

Kienet esperjenza tassew kbira għal dan ir-raġel! L-Evanġelju jgħid li “widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħall, u qabad jitkellem sewwa”. U fuq Ġesù n-nies qalu: “Kollox għamel tajjeb”. Ġesù kien jagħmel dejjem il-ġid u ma jagħmilx ħlief ġid.

Interessanti li din il-ġrajja serviet ta’ ispirazzjoni għall-Knisja għal rit partikulari li jsir meta tiġi ċċelebrata magħmudija, li fil-fatt jissejjaħ ir-rit tal-‘Effata’, l-istess kelma li smajna fl-Evanġelju li tfisser “Infetaħ”. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija, f’mument minnhom, is-saċerdot imiss b’sebgħu l-widnejn u l-fomm ta’ min se jitgħammed – dan iż-żmien tal-pandemija, f’dawn is-sentejn, din ma saritx ovvjament – imma mbagħad jgħid: “Sidna Ġesù, li ta s-smigħ lit-torox u l-kelma lill-imbikkmin, jagħti lilek ukoll il-grazzja li ma ddumx ma tkun tista’ tisma’ b’widnejk il-kelma tiegħu u tilqagħha, u tistqarr bil-fomm il-fidi tiegħek biex tfaħħar u ssebbaħ lil Alla l-Missier.”

Għalhekk, din il-ġrajja serviet ta’ ispirazzjoni għal xi ħaġa tant importanti waqt ir-rit tal-magħmudija. U aħna għandna bżonn illum, aħna u naqraw il-kelma ta’ Alla, li  nerġgħu lura għal dak il-mument tal-magħmudija tagħna – forsi ħafna minna ma jiftakruhx għax konna għadna trabi, imma niftakru l-valur ta’ dak li sar magħna meta sar dan ir-rit tal-effetah. Kemm hu importanti llum li nitolbu l-Mulej biex jiftħilna widnejna għall-kelma tiegħu! Għax hi l-kelma tiegħu li turina t-triq, li tfissrilna l-verità, u li tagħtina l-ħajja. Hi l-kelma tiegħu li tagħtina sens għal ħajjitna. Meta nisimgħu lil Alla, imbagħad hu  jgħinna wkoll biex nisimgħu bi mħabba lill-oħrajn. Ħafna nies, illum, kemm jekk jgħixu waħedhom imma wkoll, kultant, meta ma jgħixux waħedhom, jixtiequ l-ewwel min jismagħhom. Il-Mulej jagħtina din il-grazzja jekk aħna jkollna tassew widnejna miftuħa għalih u għall-oħrajn.

Imbagħad, wkoll li fommna jkun fomm li jitkellem sewwa u li jfaħħar u jsebbaħ lil Alla. Nafu kemm hi importanti din. Nafu li l-isem ta’ Alla kultant hawn min ma jurix rispett lejh; idaħħluh bħala esklamazzjoni, u agħar u agħar min ikasbar l-isem ta’ Alla. Il-Mulej jgħinna biex fommna jkun fomm li lil Alla jfaħħru u jsebbħu, u li jitkellem sewwa. Kemm ma’ Alla u fuq Alla, kif ukoll il-mod kif nittrattaw lil xulxin.

Kemm hu importanti llum li nitolbu l-Mulej biex jiftħilna widnejna għall-kelma tiegħu! Għax hi l-kelma tiegħu li turina t-triq, li tfissrilna l-verità, u li tagħtina l-ħajja

Nitolbu llum lill-Mulej, ispirati mill-kelma tiegħu, biex jerġa’ jagħtina l-għajnuna biex nisimgħu b’widejna aktar lilu u lill-oħrajn bi mħabba; u biex ukoll fommna jkun fomm li dejjem ifaħħar u jsebbaħ lilu, u li jitkellem sewwa.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju