*****
Direttur: Jeff Fowler
Atturi: James Marsden, Tika Sumpter, Jim Carrey, Natsha Rothwell, Adam Pally, Neal McDonough u Frank C. Turner
Ilħna: Ben Schwartz u Benjamin L. Valic
Ħin tal-Film: 99 min.
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG
Sonic hu qanfud ikħal, estraterrestri b’ħila li jiġri b’ħeffa sonika. Longclaw, kokka, kienet tieħu ħsiebu u twiddbu biex ma juriex il-potenzjal tiegħu. Iżda sfortunatament, Sonic ma semgħax minnha b’riżultat li t-tribù ekidnas jagħmlu attentat biex jaħtfuh. Longclaw tati lil Sonic borża ċrieket li kienu jiftħu bibien għal pjaneti oħra. Biex ikun jista’ jaħrab minn idejn it-tribù, Longclaw tuża wieħed miċ-ċrieket biex tibgħat lil Sonic fid-Dinja. Sonic isib ruħu jgħix mistoħbi ġewwa l-belt ċkejkna: Green Hills, f’Montana.
Jgħaddu għaxar snin u matulhom sar jammira bil-moħbi lix-xeriff tal-lokal, Tom Wachoswski u lill-għarustu, Maddie, veterinarja. Sadanittant, Tom jirċievi l-aħbar li kien ġie aċċettat fid-Dipartiment tal-Pulizija ġewwa San Francisco. Sonic kien iħobb l-ħajja imma issa, wara tant żmien, beda jħoss ruħu waħdu, mingħajr ħbieb. Biex itaffi ftit mid-dwejjaq, sab ħin biex jiġri b’kemm kellu saħħa, b’ħeffa liema bħala, madwar il-għalqa fejn kien jintlagħab il-baseball, qrib fejn kien jgħix Tom. Bl-enerġija li ħoloq ikkawża electromagnetic pulse b’riżultat li kkaġuna qtugħ tal-elettriku fil-majistral kollu tal-Paċifiku.
Il-mexxejja tad-Dipartiment Amerikan tad-Diviża, kontra qalbhom, qabbdu lil Dr. Robotnik, xjentist ġenju biex isib il-kawża ta’ dan il-qtugħ. F’qasir żmien Robotnik, permezz ta’ ħafna strumenti soffistikati rnexxielu jsib min u fejn kien responsabbli. Kollux kien juri li kien Sonic li preżentament kien ikun mistoħbi fil-barrakka tal-injam li Tom kellu mad-dar. Meta Sonic pprova jiftaħ bieb biex joħroġ, hu jsib quddiem wiċċu lil Tom li qatt ma kien stenna li sejjer isib lil xi ħadd hemm ġew. Tom jispara lejn Sonic kalmant b’riżultat li Sonic iwaqqa’ il-borża ċrieket li kellu li spiċċat fuq il-bejt ta’ Transamerica Pyramid ġewwa San Francisco. Meta Sonic jiġi f’tiegħu, Tom kontra qalbu jiftiehem miegħu li jipprova jgħinu biex isib ċ-ċrieket li kien tilef. Sadanittant, Robotnik jinvadi d-dar ta’ Tom iżda kemm Tom kif ukoll Sonic jirnexxielhom jaħarbu fil-waqt. Min-naħa tiegħu, Robotnik isib rixa kaħla ta’ Sonic. Tom sfortunatament għalih, jiġi ddikjarat mill-Gvern Amerikan bħala terrorista domestiku. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan, avventura ta’ fantasija, taħt id-direzzjoni ta’ Jeff Fowler, b’kitba ta’ Pat Casey u Josh Miller. Minħabba xi xeni intensivi li jistgħu jimpressjonaw lit-tfal żgħar, ikun tajjeb li dawn ikunu akkumpanjati minn xi adult.