***

Direttur:          William Eubank

Atturi:              Kristen Stewart, Vincent Cassel, Jessica Henwick, John Gallagher Jr., Mamoudou Athie,  T. J. Miller u Gunner Wright

Ħin tal-Film:    95 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

It-Titan Industries qegħdin fil-proċess li jħaffru għar-riżorsi naturali, seba’ mili f’qiegħ il-Mariana Trench, l-iktar parti fonda fil-Punent tal-Oċean Paċifiku. Sfortunatament, terremot jolqot il-post b’riżultat li sessjoni tal-Istazzjon Kepler 822 isofri ħsarat kbar minħabba l-pressjoni li nħolqot fuq l-istruttura. Norah Price, electrician u enġinier, u Rodrigo kellhom iċ-ċans li jaħarbu minn fejn kienu u jagħlqu l-parti fejn ġrat il-ħsara.

Kif kienu fi triqthom biex jaħarbu permezz ta’ pod, isalvaw lil Paul. It-tlieta jaslu fejn kien hemm dawn il-pods u jsibu li kollha kienu ġa ntużaw. Kien hemm biss il-Kaptan Lucien li baqa’ hemm. Dawn l-erbgħa li salvaw, meta jaslu fil-bażi tal-kontrol sabu lil Emily Haversham, bioloġista u l-inġinier Liam Smith li kienu ġa għamlu attentat bla suċċess biex jikkommunikaw ma’ dawk ta’ fuq. Lucian jirrikmandalhom biex jilbsu l-ilbies apposta għal pressjoni biex hekk ikunu jistgħu jimxu mil f’qiegħ l-oċean għal Roebuck Station 641. Kif bdew ħerġin mill-istazzjon għal gewwa lift tat-tagħbija, sfortunatament l-elmu li kien liebes Rodrigo kellu ħsara b’riżultat li nfaqa’ bil-pressjoni u kkawżat il-mewt tiegħu.

Fil-qrib jilmħu dawl jitfi u  jixgħel minn wieħed mill-pods. Smith u Paul joħorġu biex jinvestigaw. Hekk kif jaslu fuq il-post jintebħu li l-pod kien maqsum u fih kien hemm katavru. F’daqqa waħda ħareġ felus ta’ kreatura li attakka lil Paul. Smith kien pront jispara u joqtol lil din il-kreatura. Meta Paul u Smith daħħlu din il-kreatura mejta ġewwa, Haversham irrealizzat li din kienet speċi li ħadd ma kien jaf li kienet teżisti. Hekk kif il-ħamsa jibdew triqthom lejn il-istazzjon Roebuck, f’daqqa waħda, il-Kepler jisplodi b’riżultat li rdim jolqot lil Smith. B’xorti tajba, Price u Lucien isalvawh u jdaħħluh ġewwa. Minn ġo mina, il-ħamsa sabu ruħhom f’parti oħra fejn hemm kellhom iċ-ċans biex jitnaddfu ftit. X’jiġri minn hawn?  Tgħid sejjer jirnexxielhom isalvaw jew hemm aktar possibbiltà li jiltaqgħu ma’ aktar  perikli serji?

Film Amerikan ta’ fantaxjenza, taħt id-direzzjoni ta’ William Eubank u kitba ta’ Brian Duffield u Adam Cozad. Minħabba xeni ta’ biża’ kbir, imwiet, vjolenza mdemmija kif ukoll kliem ħażin, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.