Photo: Archdiocese of Malta – Ian Noel Pace

Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u l‑Union tal‑Infermiera u l‑Qwiebel (MUMN) iffirmaw ftehim kollettiv dwar l‑impjegati fil‑gradi tas‑social work. Dan hu mibni fuq l‑istess ftehim li ntlaħaq iktar kmieni din is‑sena bejn il‑Gvern u l‑MUMN għall‑gradi ekwivalenti li jaħdmu fis‑settur pubbliku.

Dan il‑ftehim il‑ġdid hu konformi mal‑ftehim li kien sar bejn is‑Santa Sede u r‑Repubblika ta’ Malta fl‑1991 li jistabilixxi li l‑impjegati kollha meħtieġa għas‑servizz edukattiv fl‑Iskejjel tal‑Knisja għandhom jibbenefikaw mill‑istess kundizzjonijiet tax‑xogħol ta’ dawk li jaħdmu fl‑iskejjel statali.

Photo: Archdiocese of Malta – Ian Noel Pace

Dun Mark Ellul, id‑Delegat għall‑Edukazzjoni Kattolika, saħaq li fil‑qalba tal‑missjoni edukattiva tal‑Knisja l‑għażla preferenzjali hija favur il‑‘fqir’. Saħaq li l‑professjonisti fi ħdan is‑Segretarjat fil‑gradi tas‑social work huma fost dawk li jwettqu din il‑missjoni b’mod konkret, fis‑skiet u b’dedikazzjoni fost il‑familji li għandhom lil uliedhom fl‑Iskejjel tal‑Knisja, partikolarment dawk l‑iktar vulnerabbli jew emarġinati.

“Illum il‑faqar f’Malta u Għawdex għandu diversi forom, minn dawk neqsin minn ħtiġijiet materjali għal oħrajn li għandhom iktar ħtieġa ta’ għajnuna emozzjonali, psikoloġika u soċjali,” spjega Dun Mark Ellul. Hu żied jgħid li dawn l‑istess professjonisti jgħinu wkoll fil‑ħarsien tas‑sigurtà u l‑benesseri tal‑istudenti minn forom ta’ abbużi – ħidma importanti ferm għall‑Knisja li ssir f’kollaborazzjoni sħiħa mas‑Safeguarding Commission u l‑awtoritajiet ċivili.

Is‑Sur Paul Pace, il‑President tal‑MUMN, faħħar l‑impenn tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika sabiex ikompli jsaħħaħ il‑qagħda u l‑kundizzjonijiet tax‑xogħol tal‑impjegati tiegħu. Hu rringrazzja wkoll lill‑Gvern, li miegħu ntlaħaq il‑ftehim oriġinali u li fuqu nbena dan il‑ftehim għas‑settur tal‑Iskejjel tal‑Knisja.

Photo: Archdiocese of Malta – Ian Noel Pace

Il‑President tal‑MUMN fakkar li s‑soċjetà Maltija għandha bżonn żgħażagħ li jimpenjaw ruħhom f’dawn l‑oqsma soċjali, u għalhekk għandha tkompli tkun grata lejn dawk kollha li jagħtu kontribut f’dan il‑qasam tant sensittiv. Insista li l‑MUMN kienet, għadha u tibqa’ kommessa biex il‑kategoriji kollha rappreżentati minnha, fosthom dawk li jservu fil‑gradi tas‑social work, ikollhom il‑ħidma tagħhom rikonoxxuta u kompensata kif jixraqilhom.

Il‑Ministru għall‑Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Clifton Grima, filwaqt li feraħ lis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u lill‑MUMN għall‑ftehim milħuq, sostna li l‑istudent li qed iġarrab xi tbatija ma jistax jikber fit‑tagħlim skont il‑potenzjal tiegħu jekk il‑bżonnijiet essenzjali tiegħu, inkluż li jħossu maħbub u mħares, ma jkunux milħuqa. Spjega kif bħala Ministru responsabbli mill‑Edukazzjoni huwa jħares l‑interessi tal‑istudenti kollha fid‑diversi setturi, skont l‑obbligi u ftehimiet applikabbli. Il‑Ministru stqarr li huwa grazzi għall‑impenn tal‑Gvern li jara li jitkattar ġid sostenibbli, li ftehimiet bħal dawn jkunu jistgħu jintlaħqu għall‑benefiċċju taċ‑ċittadin Malti u Għawdxi.

Photo: Archdiocese of Malta – Ian Noel Pace

Preżenti għall‑iffirmar tal‑ftehim kien hemm ukoll Dr Ian Mifsud, id‑Direttur Ġenerali tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika; is‑Sur Colin Galea, is‑Segretarju Ġenerali tal‑MUMN; u Dr Joyce Cassar, is‑Segretarju Permanenti (People and Standards) mill‑Uffiċċju tal‑Prim Ministru.

Għall‑ftehim, li ġie ffirmat illum il‑Ħamis, 23 ta’ Ottubru 2025 fl‑uffiċini tas‑Segretarjat f’Ħal Balzan, attendew ukoll membri mill‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja u mis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, kif ukoll uħud mill‑impjegati li ser jibbenefikaw mill‑ftehim.