L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju tal-lum jibda b’mument partikolari ħafna fil-ħajja ta’ Ġesù. Għalkemm l-Evanġelju stess ma jagħtiniex dettalji imma jibda b’dan il-kuntest verament partikolari. Ġesù jisma’ bl-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, dak li kien indikah bħala l-ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, dak li kien preżenti fil-magħmudija tiegħu, dak li wrieh lid-dinja.

Anke f’kuntest ta’ vjolenza għaliex qatlulu ħabib kbir, il-Mulej jibqa’ jħobb, jibqa’ juri sentimenti ta’ ħniena, ta’ kompassjoni. Hija l-imħabba li ħadd ma jista’ jifridna minnha.

Ġesù jifhem li bil-qtil ta’ Ġwanni l-Battista, ir-responsabbiltà kollha li jwassal is-saltna ta’ Alla hija fuqu imma nistgħu nimmaġinaw ukoll kemm ħassha Ġesù, tant li l-Evanġelju stess jgħid li jħoss li għandu bżonn joqgħod ftit waħdu (ara Mt 14:13).

In-nies tifhem issa li anke miet Ġwanni l-Battista li l-kalamita tal-Qalb ta’ Ġesù hija qawwija ħafna u tmur tiġri biex tfittxu u ssibu. Ġesù jħares lejn il-folla. L-Evanġelju juża verb qawwi: jitqanqal b’sentimenti ta’ ħniena u jibda jfejjaq il-morda tagħhom” (Mt 14:14). Bil-Malti fl-Evanġelju smajna l-kelma ‘tħassarhom’ imma mhijiex biss li inti titħassar lil xi ħadd, Ġesù jitqanqal b’sentimenti ta’ kompassjoni, ta’ mħabba, ta’ ħniena.

Nixtieq nieqaf fuq dan il-punt u ngħaqqdu ma’ dak li smajna mill-ittra tal-Appostlu Missierna San Pawl lir-Rumani: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? […] Ebda ħlieqa oħra ma jistgħu qatt” l-ebda ħaġa “jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rum 8:35.39)  Anke f’kuntest ta’ vjolenza għaliex qatlulu ħabib kbir, il-Mulej jibqa’ jħobb, jibqa’ juri sentimenti ta’ ħniena, ta’ kompassjoni. Hija l-imħabba li ħadd ma jista’ jifridna minnha.

Din il-kompassjoni mhijiex biss espressa fil-fejqan ta’ Ġesù, fit-tagħlim li għallem imma wkoll fil-kura li għandu għal kull wieħed u waħda minna. Id-dixxipli jgħidulu: ‘isma’, dawn għandhom bżonn imorru fil-villaġġi ħalli jixtru x’jieklu għax ilhom hawn’. “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mt 14:15). Ġesù jieħu ħsieb ukoll il-bżonnijiet konkreti tan-nies li tant iħobb imma għandu bżonn l-għajnuna tad-dixxipli tiegħu.

Innutaw li hu u jitma’ l-folla ta’ ħamest elef raġel inkluż imbagħad iżjed nisa u tfal, Ġesù għandu bżonn l-għajnuna tad-dixxipli tiegħu, il-ftit ħobż u ħutiet li għandhom. Il-barka tiegħu hija barka fuq l-għajnuna li se jagħtu d-dixxipli. Il-kelma li jagħti lid-dixxipli, Ġesù jagħtiha lilna wkoll – lili u lilek. Meta aħna naraw tant bżonn fid-dinja anke fostna, illum nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù tidwi fil-qalb tagħna: “Agħtuhom intom x’jieklu”.

Illum nixtieq insellem lil kull min qed jagħti sehmu f’dan il-kuntest ta’ pandemija biex aħna nibqgħu safe. Dak ukoll huwa l-ftit li kull wieħed u waħda minna nistgħu nikkontribwixxu biex il-Mulej iħarisna u jkompli jħarisna.

Il-Mulej se jbierek u jkattar dak kollu li jkollna bżonn għaliex lesti naqsmuh ma’ ħaddieħor. Illum il-Mulej ibierek il-ġenerożità tagħna, xi ħaġa li dejjem tagħmlilna kuraġġ lilna l-Maltin u l-Għawdxin. Kull meta jkun hemm bżonn tal-għajnuna, inkunu minn tal-ewwel li nagħtu daqqa t’id. Jiena nkompli nħeġġeġ il-poplu f’din it-tradizzjoni qawwija ta’ ġenerożità mhux biss bejnietna imma anke ma’ kulħadd inkluż il-barranin anke f’dan il-mument ta’ sfida partikolari.

Nistgħu ngħidu li l-Evanġelju tal-lum ukoll iwassalna biex nifhmu li fil-kuntest li fih qegħdin ngħixu, kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu. Ġesù lest ifejjaq imma qed jitlob minna li nagħmlu l-parti tagħna. Illum nixtieq insellem lil kull min qed jagħti sehmu f’dan il-kuntest ta’ pandemija biex aħna nibqgħu safe. Dak ukoll huwa l-ftit li kull wieħed u waħda minna nistgħu nikkontribwixxu biex il-Mulej iħarisna u jkompli jħarisna. Ma naqtgħux qalbna mill-imħabba ta’ Alla għax l-ebda ċirkustanza mhi se tbegħidna mill-imħabba tiegħu. Jiena biss nista’ ngħid ma rridekx; Alla li ħabbni mhu se jitlqani qatt.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 55, 1-3
Salm: 144 (145), 8-9.15-16.17-18
Qari II: Rum 8, 35.37-39
Evanġelju: Mt 14, 13-21

More Photos >>