• ****

    Direttur: Ava DuVernay
    Atturi: David Oyelowo, Tom Wilkinson, Carmen Ejogo
    Ħin: 128 minuti
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15

    Fis-sajf tal-1964 il-President Amerikan Lyndon Johnson għadda s-Civil Rights Act; din il-liġi kienet pass importanti lejn l-ugwaljanza tas-suwed fis-soċjeta’ amerikana billi tathom id-dritt għal vot. Hekk kif bdiet is-sena 1965 il-President Johnson kien ħerqan li jikkonċentra fuq ħwejjeġ oħra, speċjalment fuq miżuri ekonomiċi. Għal Martin Luther King Jr, iżda, l-aktar ħaġa urġenti kienet li jsiru liġijiet li permezz tagħhom is-suwed ikunu jistgħu jużaw il-vot li ingħatalhom. Minkejja li kellhom id-dritt tal-vot, l-awtoritajiet fin-nofs inhar ta’ l-Istati Uniti, kienu jagħmlu ħafna intoppi biex fil-fatt is-suwed ma jkunux jistgħu jivvotaw. Din l-istrateġija kienet tintuża b’mod effettiv ħafna f’Selma, Alabama, taħt it-tmexxija tal-gvernatur George Wallace li kien jagħmel minn kollox biex jirreżisti kull riforma favur is-suwed. Martin Luther King Jr, il-mexxej tas-suwed, aċċetta li jmexxi march ta’ protesta minn Selma sal-kapitali ta’ Alabama, Montgomery. Minħabba li kien il-protagonist fil-ġlieda għad-drittijiet tas-suwed, King, kif ukoll marthu Coretta, kienu jgħixu taħt theddid kontinwu tal-mewt.

    Film drammatiku dwar l-istorja amerikana ta’ ħamsin sena ilu. Film interessanti li juri l-ġlieda ta’ Martin Luther King Jr. biex jikseb id-drittijiet tas-suwed, il-ħajja intima tiegħu, u l-ħafna dubji li kienu jiġuh dwar jekk hux qed jagħmel is-sewwa. David Oyelowo jaqla’ l-parti ta’ King b’mod eċċellenti. Il-film fih xi xeni ta’ vjolenza qawwija u kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.