L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Wieħed faċli jistaqsi: imma dan l-episodju li jirrakkuntalna San Mattew f’kap 14, x’sinifikat għandu għalina llum? L-ewwel nett, x’jgħidilna dwar Ġesù? Ġesù bil-fatt li jimxi fuq il-baħar imqalleb u mħabbat, juri d-divinità tiegħu, mod ieħor kif Ġesù mhux biss jesprimi, imma jirrivela, jikxef, jaqsam ma’ ħbiebu l-identità tiegħu. Għax hu Alla biss li kapaċi, fil-mentalità Lhudija, li jissupera l-ħalel u l-kaos tal-baħar.

Pietru jixtieq jaqsam ftit minn din il-qawwa li għandu Ġesù, u jagħmillu talba kważi provokatorja: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma” (Mt 14:28). U Ġesù, li qatt ma kien għajjur tad-divinità tiegħu, anzi sar bniedem biex aħna jkollna sehem min-natura tiegħu, kif nitolbu fil-quddies. Jgħidlu: “Ejja” (Mt 14:29); issieħeb inti wkoll minn din il-qawwa li ġejja minn Alla, mhux tiegħek, imma qed nordnalek li tissieħeb magħha, ikollok il-kapaċità tegħleb dawn l-irjieħ, il-maltemp tal-ħajja. Biss, hemm kundizzjoni waħda: Pietru jrid mhux biss jafda f’Ġesù, imma ħarstu trid tkun fuq l-Imgħallem, għax nafu li meta Pietru beda jikkonċentra fuq id-diffikultajiet, fuq il-ħalel, fuq il-maltemp, beda jegħreq.

Forsi hi t-talba tagħna lkoll dik li Pietru jgħid lill-Imgħallem: “‘Salvani, Mulej!’ Malajr Ġesù medd idu u qabdu” (Mt 14:30-31). Min jaf kemm ikollna bżonnha dik il-ħatfa ta’ Ġesù. Ħin minnhom fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, hemm din l-espressjoni: “U minn idejja ma jaħtafhomli ħadd” (Ġw 10:28). Jekk tmidd idek lejn Ġesù, u tħallih jaħtfek, inti sigur. U din hija forsi t-tagħlima ta’ dan l-inċident li lid-dixxipli beżżagħhom, imma lil Pietru għallmu jafda iżjed fl-Imgħallem. Il-Mulej jgħidlu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (Mt 14:31). Forsi din il-mistoqsija Ġesù jagħmilha lili u lilek illum; jixtieq li nafdawh naqra iżjed.

Hemm tal-ordni misterjuż li Ġesù jagħti lid-dixxipli, li jġagħalhom jitilgħu fuq id-dagħjsa u jaqsmu l-baħar. Il-baħar fl-għadira ta’ Ġennesaret jew il-baħar tal-Galilija jaf ikun imqalleb ħafna. Nawguralkom, jekk għadkom ma għamiltux l-esperjenza tal-baħar tal-Galilija li tagħmluha, imma meta wieħed imur fuq tour, fuq id-dagħjsa jaf ukoll li jista’ jħabbtek ir-riħ; hemm ftakar f’dawn l-esperjenzi tad-dixxipli tal-Mulej. Jalla wkoll niftakru mhux biss fl-esperjenza negattiva tat-tempesta, tal-maltemp u r-riħ, imma wkoll fil-preżenza ta’ Ġesù, li tagħtina sigurezza u li tistedinna nafdawh. Meta tkun għaddej minn mument diffiċli fil-ħajja, u dawn il-mumenti ma jonqsu qatt, ftakar f’Pietru: “Salvani, Mulej!” (Mt 14:30); ftakar f’dak li għamel Ġesù b’risposta: ħatfu minn idu u salvah.

U kif telgħu fid-dagħjsa il-baħar ikkalma. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: “Alla tagħna hu Alla tal-paċi”; ma jfissirx li ma jinkwetanix xi kultant jew ma jisfidanix. Imma jekk trid tinduna li qed tgħum fir-rieda tiegħu, fittex jekk hemmx il-paċi f’qalbek. Jekk kif tlajt fuq id-dgħajsa miegħu, ikkalmawx l-irjiħat tal-passjonijiet, tal-għira, tar-rabja, tal-konfużjoni. Alla tagħna hu Alla tal-paċi.

Qabel tagħmel deċiżjoni f’ħajtek, vokazzjonali ta’ relazzjoni ma’ xi ħadd li tixtieq li taqsam ħajtek miegħu jew magħha: fittex il-paċi, mhux ir-riħ tal-passjoni jew tal-infatwazzjoni. Għandi qalbi mistrieħa fil-paċi? U tisma’ lill-Mulej jgħidlek: “Jiena hu, tibżax!” (Mt 14:27).    

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slat 19:9a.11-13a
Responsorju: 84 (85):9ab-10,11-12,13-14
Qari II: Rum 9:1-5
L-Evanġelju: Mt 14:22-33

Aktar ritratti