-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali, is-Siġġiewi
5 ta’ Novembru 2017
Aħna għadna kemm għamilnielkom kuraġġ qabel iġġeddu għażla. Din l-għażla għamluha f’isimkom il-ġenituri tagħkom meta ġabukom trabi fil-knisja biex titgħammdu. Intom ma tiftakrux, jew kontu reqdin, jew tibku, waħda minn dawn it-tnejn. Imma dakinhar il-ġenituri tagħkom ġabukom il-knisja biex titgħammdu fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. U bit-tiswib tal-ilma għal tliet darbiet, intom sirtu Nsara, ħbieb ta’ Ġesù ta’ Nazaret. Il-kelma ‘nisrani’ li aħna l-Maltin spiss nużawha b’mod pożittiv, ġejja minn Nazaret. Biex infissru minn aħna, aħna l-Maltin, nirreferi għar-raħal fejn trabba Ġesù.
Inti tal-ġenituri tiegħek għax ġabuk fid-dinja imma spiritwalment, fir-ruħ tiegħek inti ta’ Alla.
Imma aħna wkoll Kristjani, ma nużawhiex ħafna bil-Malti għax ngħidu Nsara, ta’ Nazaret. Il-Kristjan huwa dak li huwa midluk bl-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Issa din hija dilka spiritwali imma jiena llum fuq moħħkom se nagħmel sinjal tas-salib biż-żejt li kkonsagrajt bħala l-Isqof tagħkom f’Ħamis ix-Xirka li għadda. Lejlet il-Ġimgħa l-Kbira, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, jiena kkonsagrajt iż-żejt tal-Griżma li jintuża’ biex il-bnedmin, il-bini u l-ħwejjeġ li huma ta’ Alla jkunu kkonsagrati għalih. Mela b’dan is-sinjal tas-salib biż-żejt tal-Griżma fuq moħħok, inti mġedded fil-konsagrazzjoni tiegħek lil Ġesù, lil Alla. Mela inti tal-ġenituri tiegħek għax ġabuk fid-dinja imma spiritwalment, fir-ruħ tiegħek inti ta’ Alla. Fir-ruħ tiegħek għandek ix-xbieha ta’ Alla li ħalqek xbieha tiegħu u inti wkoll Nisrani, Nisranija.
Mela bħalma qalilna l-Appostlu Missierna fit-Tieni Qari li smajna llum f’Ittra li kiteb lin-nies tal-Galati, “il-frott tal-ispirtu huwa l-imħabba, il-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5, 22-23), disa’ frottiet bnini tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Fuq dawn ikkonċentraw matul ħajjitkom kollha ta’ Nsara li intom: l-imħabba, il-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa u r-rażan. “Jekk ngħixu fl-Ispirtu, ħalli nimxu fl-Ispirtu” (v. 25) mhux biss li tgħix, li tħoss fl-Ispirtu ġewwa fik u tħaddan dawn l-għażliet sbieħ tal-Ispirtu, imma wkoll li inti tkompli timxi fl-Ispirtu.
Issa tgħidli, ‘imma jien illum għamilt il-Griżma, issa jagħtina ċ-ċertifikat l-arċipriet, immorru dar nagħlu partry u bye bye knisja ta. Jekk imbagħad niżżewweġ bil-Knisja, imbagħad naraw”. Mhux hekk ħabib, mhux hekk ħabib. Illum inti ddjakaratha adulta, adult fil-Knisja, inti se tirċievi don qawwi tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, tal-Ispirtu s-Santu, illum il-bidu mhux it-tmiem. Tgħidli, “iva, imma almenu ma mmorrux dawk il-lezzjonijiet boring tal-katekiżmu”. Imma trid tfittex għaqda interesanti li permezz tagħha tibqa’ titgħallem dwar il-fidi tiegħek, inti u ssir adolexxent żgħażugħ u żgħażugħa u adult. Għax it-tagħlim tat-tfal għat-tfal imma intom qed issiru żgħażagħ u iżjed ma jitgerrbu x-xhur, mhux is-snin ta, ix-xhur, iżjed issiru żgħażagħ. Se jkollkom bżonn tagħlim ta’ żgħażagħ li intom, mhux tat-tfal. It-tagħlim li rċevejtu hu —nispera li baqa’ xi ħaġa minnu— għall-età tagħkom. Imma inti meta għandek 15-il sena, meta għandek 18, meta għandek 20, x’tagħlim se tieħu jgħodd għalik jekk ma tfittxux?
Il-Quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd, illum il-Ħadd, dil-Quddiesa tgħodd għall-Ħadd. Tgħiduli, ‘għall-erwieħ hekk imissna wkoll nerġgħu niġu xi quddiesa oħra llum!” Imma l-Ħadd li ġej mhux se nkun hawn jien, se jkun hawn l-Arċipriet jew saċerdot ieħor, se tiġi tisma’ l-Kelma t’Alla? Prietka nispera ma tkunx twila, naqbel magħkom li m’għandhiex tkun twila l-prietka, u titqarben, jekk ikun hemm bżonn anke tfittex il-qrar biex inti tiltaqa’ ma’ Ġesù bħala adult.
Nitgħallmu ngħidu ‘iva’ għat-tajjeb u ‘le’ għall-ħażin.
Jiena nixtieq ngħid kelma ta’ ringrazzjament lill-ġenituri talli ressqukom għas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof u nagħmlilhom kuraġġ biex ikomplu jsegwu lil uliedhom. U intom, għeżież żgħażagħ, agħmlu pjaċir lilkom infuskom u isimgħu mill-ġenituri tagħkom. Tgħidli, ‘imma jiena issa qed nikber, għandi l-ideat tiegħi’. Tajjeb ikollok l-ideat tiegħek imma ftakar dejjem li l-ġenituri tiegħek huma l-persuni li l-iżjed jixtiequlek ġid. U anke jekk kelma ma togħġbokx, aħsibha sew qabel tagħmel bil-maqlub. Għid ‘dawk ġabuni fid-dinja, jixtiequli l-aqwa ġid’.
U nitgħallmu ngħidu ‘iva’ għat-tajjeb u ‘le’ għall-ħażin. Dan l-eżempju ngħidu lil kulħadd jien. Min jiġi joffrilek id-droga, x’se tgħidlu iva jew le? Irrisponduni, le! X’se tgħidulu? Le! Mhux se tgħidlu ‘iva’ biex tkisser lilek innifsek, tgħalli lill-ġenituri tiegħek u l-familja tiegħek. In-Nisrani jrid ukoll jitgħallem jgħid ‘le’ għall-ħażen. Imma jrid jgħid ‘iva’ għat-tajjeb. Ikun hemm xi ħadd jgħidlek ‘hemm wieħed minn sħabna marid immorru narawh?’. Inti tgħidlu ‘iva’ basta ma ddejquhx għax huwa att ta’ karità. Xi ħadd għandu bżonn l-għajnuna, tgħinu għax dan huwa li tkun Nisrani li “mhux biex tgħix bl-ispirtu imma timxi bl-ispirtu”.
L-aħħar kelma lill-parrinijiet. Nirringrazzjakom talli lqajtu din ir-responsabbiltà. L-ewwel nett hija responsbabiltà li titolbu għall-filjozzi tagħkom, imbagħad tridu tissapportjawhom, speċjalment meta jkunu qegħdin jikbru u jagħżlu l-istat tagħhom fil-ħajja. Imma t-tielet u l-itqal huwa l-eżempju. Jalla l-Mulej jagħtikom il-grazzja li tkunu ta’ eżempju sabiħ għall-filjozzi tagħkom.
Lil din il-parroċċa li għandha numru sabiħ ta’ żgħażagħ li qed jersqu għall-Griżma jiena nagħtiha barka speċjali bl-interċessjoni ta’ San Nikola u nitlob li minn fostkom, għeżież żgħażagħ, il-Mulej jagħżel uħud għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża.
✠ Charles J.Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratt: Emmanuel Cauchi