-
-
Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil‑ħafna (Lq 16:10)
“Hi ħaġa tassew nobbli li wieħed iħabrek biex jieħu ħsieb tal‑ħolqien b’għemejjel ċkejkna ta’ kuljum … bħal meta wieħed jevita l‑użu ta’ materjal tal‑plastik jew tal‑karta, inaqqas il‑konsum tal‑ilma, jifred l‑iskart, isajjar biss dak li jaħseb li jiflaħ jiekol, jittratta b’għożża l‑ħlejjaq ħajjin l‑oħra, jinqeda bit‑trasport pubbliku jew jaqsam l‑istess karozza ma’ iktar minn persuna waħda, jiżra’ s‑siġar, jitfi dwal mixgħula għalxejn, u ħafna iżjed.” (Laudato si’, par. 211)
Matul ix‑Xahar tal‑Ħolqien (il‑Jum ta’ Talb għall‑Kura tal‑Ħolqien), li beda fl‑1 ta’ Settembru u jintemm fl‑4 ta’ Ottubru, jum il‑festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, dawk kollha li jemmnu fi Kristu huma mistiedna sabiex jirriflettu fuq kemm il‑ħolqien hu sinjal ċar tal‑imħabba li Alla l‑Missier għandu lejn uliedu. Iżda huwa wkoll żmien li matulu aħna msejħa sabiex naraw kemm qed napprezzaw dan ir‑rigal, u kemm aħna amministraturi għaqlin tiegħu. Bħalma għamlet fl‑imgħoddi, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tixtieq twassal il‑ħsibijiet tagħha biex tgħin f’din ir‑riflessjoni.
Hu faċli ħafna li tikkritika biss u toqgħod tistenna lil ħaddieħor jagħmel xi ħaġa, li tkun negattiv u li tiffoka biss fuq kemm għad fadal xi jsir. L‑enċiklika Laudato Si’ tal‑Papa Franġisku tfakkarna b’mod l‑aktar qawwi li anke jekk l‑awtoritajiet ma jagħmlux xogħolhom f’dan il‑qasam, aħna, bħala ċittadini u wisq aktar bħala Nsara, għandna d‑dmir li nieħdu ħsieb din id‑dar komuni tagħna, li għal ħafna żmien ġiet ittraskurata.
Fil‑messaġġ tiegħu għal dan il‑jum,[1] il‑Papa Franġisku għażel li jiffoka fuq l‑ilma u l‑baħar, temi li l‑KA tkellmet dwarhom diversi drabi fi stqarrijiet imgħoddija. F’din l‑istqarrija l‑KA ddeċidiet li tiffoka fuq l‑iskart, minħabba l‑impatt dirett li dan għandu kemm fuq il‑kwalità tal‑ilma tal‑pjan u kemm fuq il‑bijodiversità tal‑ibħra. B’mod aktar speċifiku se toffri xi ħsibijiet dwar dawk il‑prattiċi li fl‑immaniġġjar tal‑iskart huma magħrufa bħala t‑3Rs: Reduce (naqqas), Reuse (erġa’ uża) u Recycle (irriċikla), minħabba li dawn joffru opportunità lil kull persuna ta’ rieda tajba sabiex tagħti sehemha b’mod tanġibbli u mhux bil‑paroli biss.
1. Naqqas l‑iskart (Reduce)
Dan hu l‑mod l‑aktar effettiv li bih nistgħu nirbħu l‑ġlieda kontra l‑iskart. Inqas ma noħolqu skart inqas ikollna problema biex naraw x’se nagħmlu bih. Filwaqt li tistenna bil‑ħerqa l‑qafas politiku dwar il‑kwistjoni tas‑single-use plastic li l‑ERA (fuq talba tal‑Ministru għall-Ambjent José Herrera) qed tħejji għall‑konsultazzjoni pubblika,[2] il‑KA tappella liċ‑ċittadini individwali, lill‑organizzazzjonijiet u b’mod speċjali lill‑produtturi sabiex ma jużawx iżjed oġġetti tal‑plastik li jintużaw darba u jintremew bħal tazzi, platti, pożati, straws, boroz u fliexken tal‑ilma tal‑plastik. Il‑KA tistieden lill‑awtoritajiet sabiex jimpenjaw ruħhom ħalli tkun imsaħħa u infurzata bis‑serjetà l‑liġi li tipprojbixxi l‑użu tal‑basktijiet tal‑plastik u ssir estensjoni tagħha sabiex tinkludi l‑boroż tal‑plastik, ir‑rilaxx ta’ bżieżaq (balloon releases) u l‑użu tas-single-use plastic. Il‑KA tistieden ukoll lill‑konsumaturi biex għax‑xirja tagħhom jużaw basktijiet tad‑drapp.
2. Erġa’ uża (Reuse)Minkejja l‑ammont dejjem jiżdied ta’ skart iġġenerat f’pajjiżna, il‑KA tinnota b’sodisfazzjon iż‑żieda wkoll ta’ websajts u gruppi lokali fuq Facebook, kif ukoll entitajiet li qed jiġbru u jagħmlu użu mill‑ġdid ta’ oġġetti li għalkemm ikunu skartati minn xi wħud, xorta jkunu tajbin biex jinqeda bihom ħaddieħor. Responsabbiltà ambjentali titlob minna li ma ninġarrux mill‑ġirja sfrenata tal‑konsumiżmu, imma li nagħmlu użu għaqli mir‑riżorsi tagħna.
3. Irriċikla (Recycle)Minna ċ-ċittadini huwa diġà mitlub li niffaċilitaw ir‑riċiklaġġ billi nisseparaw l‑iskart li ma stajniex nevitaw u ma stajniex nerġgħu nużaw. Il‑KA tħoss li bħala ċittadini u bħala Nsara aħna fid‑dmir li nikkoperaw mal‑awtoritajiet u l‑kumpaniji li jimmaniġġjaw l‑iskart sabiex jitkabbar il‑persentaġġ ta’ skart li jkun riċiklat, speċjalment issa li qed titnieda l‑inizjattiva nazzjonali għall‑ġbir tal‑iskart organiku.[3]
Huwa faċli li wieħed jaqta’ qalbu quddiem id‑dimensjoni tal‑problemi ambjentali. Madanakollu, għall‑Insara li jemmnu fi Kristu Rxoxt, “it‑tama tistedinna nagħrfu li dejjem hemm triq ’il quddiem, li dejjem nistgħu naqilbu r‑rotta, li dejjem nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex insewwu l‑problemi” (Laudato si’ par. 61).
Il‑KA tinnota b’sodisfazzjon kbir inizjattivi ta’ individwi (bħalma huma d‑diversi clean ups li jsiru madwar pajjiżna), ta’ organizzazzjonijiet (eż. Puttinu Cares u l‑Kumitat Festi Esterni ta’ San Ġorġ Ħal Qormi li stqarrew li mhumiex se jitilqu bżieżaq fl‑arja waqt iċ‑ċelebrazzjonjiet tagħhom) u tal‑awtoritajiet sabiex tkun indirizzata l‑kwistjoni tal‑iskart f’Malta. Waqt li tesprimi s‑sodisfazzjon tagħha f’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni Ambjent tħeġġeġ lil kulħadd iħares lil hinn mill‑interessi personali, u lkoll flimkien naħdmu għall‑ġid komuni b’risq dawk kollha li jgħammru f’din id‑dar komuni li Alla l‑Missier għoġbu jagħtina.
[1] http://w2.vatican.va/content/francesco/en/messages/pont-messages/2018/documents/papa-francesco_20180901_messaggio-giornata-cura-creato.html
[2] http://www.independent.com.mt/articles/2018-05-16/local-news/ERA-to-prepare-strategy-to-tackle-single-use-plastic-6736189941
[3] https://www.timesofmalta.com/articles/view/20180827/local/watch-every-family-to-receive-its-own-organic-waste-bin.687742