
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kemm il-Papa Franġisku, kif ukoll il-Papa Benedittu XVI, meta joffru kumment fuq din il-paġna sabiħa tal-Evanġelju ta’ San Mattew, jgħidulna li din b’xi mod hi profil ta’ Ġesù nnifsu. Dak li hu qed isejjaħ hieni, il-kategorji ta’ nies li għal Ġesù huma henjin, jikkorrispondu mill-qrib għall-qalb qaddisa tiegħu. U min irid jimita lil Ġesù, irid jieħu l-valuri ta’ dawn il-barkiet, ta’ dawn il-beatudnijiet, jistudjahom u jgħixhom.
Nistgħu ngħidu li kull waħda minn dawn il-barkiet, jew il-beatudnijiet, tiġbor fiha lill-oħrajn kollha. U għalhekk, min hu tassew hieni, min qed jimxi fit-triq tal-qdusija jitgħallem ikun fqir fl-Ispirtu. Jekk tgħiduli kif tista’ tispjegaha din il-ħaġa li tkun fqir fl-ispirtu? U r-risposta tiegħi tkun talba li għallimna San Ġorġ Preca. Nixtieqkom li, jiena magħkom, nidħlu fl-ispiritwalità profonda ta’ din it-talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla jiena għandi bżonnok’.
Il-faqar fl-ispirtu li kellhom il-qaddisin kien dan: kienu jafu li għandhom bżonn lil Alla. Fehmu l-kelma li qalilna Ġesù: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Mela l-faqar fl-ispirtu, mhuwiex il-faqar materjali, imma dan is-sentiment profond li jmexxina, li jiggwidana. Jiena għandi bżonn lil Alla. Għandi bżonnu anke biex meta quddiem l-inġustizzja, nitnikket u nsib il-faraġ tiegħu; għandi bżonnu biex qalbi ma ssirx qarsa imma tkun qalb ħelwa; għandi bżonnu biex fija jħeġġeġ il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja; għandi bżonnu biex jgħallimni nħenn, biex inkun safi f’qalbi, biex inġib il-paċi, biex nibqa’ qawwi fll-persekuzzjoni. Għandna bżonn lil Alla. Il-qaddisin, kif anke qrajna fil-Liturġija tal-Kelma tant sabiħa tal-lum, għarfu li l-libsa bajda tagħhom kienet maħsula fid-demm tal-ħaruf.

Illum qegħdin ukoll, flimkien mal-qaddisin, niċċelebraw il-mera tal-qdusija fl-anniversarju sabiħ – il-75 anniversarju minn meta fl-1950 il-Papa Piju XII fil-Bażilika ta’ San Pietru tana din id-definizzjoni tal-fidi tagħna. Iddikjara li t-twemmin fit-tlugħ fis-sema ta’ Marija hija parti mill-fidi tagħna. Imma xi tfisser fil-kuntest tal-festa tal-lum li fiha niċċelebraw il-qdusija tal-poplu t’Alla?
Alla ħabbna qabel ħabbejnieh aħna. U bl-imħabba tiegħu jagħmilna qaddisin.
Tfisser, l-ewwel nett, li Sidtna Marija mtellgħa s-sema hija sinjal qawwi u tama sħiħa li aħna li rridu nsiru qaddisin f’dan il-wied tad-dmugħ. Għad naslu fil-port kenni, fil-porto salvo. U allura għandna din il-kewkba – lil Marija, li mnissla mingħajr tebgħa kienet kollha sabiħa (tota pulchra es) u mera tat-tjubija, safa, qdusija u ġmiel ta’ vera. It-tlugħ fis-sema ta’ Marija jgħidilna anke intom, bħalma jgħid Ġesù, għandkom għamara mħejjija għalikom.

Xi ħaga li tippressjonani fil-kapitlu 25 ta’ San Mattew hija din – li meta l-Mulej jilqa’ fi ħdanu lil dawk li kienu ltaqgħu miegħu fil-proxxmu: ‘Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u fil-ħabs u ġejtu żżuruni’, jgħidilhom, ‘Idħlu fil-hena, fl-għamara li kienet mħeijjija għalikom sa mill-bidu tad-dinja.’ Aħna għandna għamara għalina fil-ġenna. Din il-festa hija stedina għalina li nixxenqu li nkunu ħaġa waħda ma’ ħutna li t-triq għamluha fost il-perikli tal-ħajja mgħobbijin bid-dgħjufija imma mfarrġin mill-ħniena t’Alla u waslu fid-destinazzjoni.
U lilkom membri tal-Azzjoni Kattolika mhux biss nirringrazzjakom tax-xogħol li tagħmlu, tal-preżenza tagħkom, imma nawgurawlkom li fis-soċjetà tagħna tibqgħu u tkunu dejjem ħmira ta’ qdusija. Is-soċjetà tagħna għandha bżonn l-qdusija. Għaliex? Għax għandha bżonn tal-qaddisin.

Il-qdusija mhix ħaġa astratta. Il-qdusija tiltaqa’ magħha fil-wiċċ ta’ min qed jgħix – San Ġorġ Preca kien jgħid ‘jgħum fil-paċi’ – il-paċi li jagħtina Ġesù biss, li d-dinja mhix kapaċi tagħtina u din il-paċi l-ewwel nett tiġi mil-fatt li aħna nkunu konvinti, persważi, li Alla jħobbna. Alla ħabbna qabel ħabbejnieh aħna. U bl-imħabba tiegħu jagħmilna qaddisin.
Hemm dik l-espressjoni sabiħa li tgħidlek ‘Alla ma jħobbokx għax inti qaddis, imma bl-imħabba tiegħu jagħmlek qaddis/a.’ U allura aħna jrid jkollna dan l-għarfien li Alla jħobbna u minn dan l-għarfien ikollna allura l-kapaċità u anke l-attrazzjoni li nirrisponduh bl-imħabba. Wara kollox din hija ir-relazzjoni tal-fidi.
Il-qdusija ta’ kull wieħed u waħda minnha hija li niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj, iben Marija; li nisimgħu l-kelma tagħha: “Għamlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:3-5). Mhux dik il-kelma tal-omm, li tippreżentalna lil binha u tagħtina dan il-parir sabiħ bħalma għamlet lill-qaddejja tat-tieġ ta’ Kana? “Għamlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:3-5).

U jiena taffaxxinani din il-konnessjoni għax fuq it-Tabor, il-Missier isemma leħnu u jindika lil Ġesù bħala l-mudell tal-qdusija tagħna. Jgħidilna “Dan hu ibni l-għażiż li jiena sibt l-għaxqa tiegħi. Isimgħu lilu” (Mt 17:5). Il-Missier ta’ kull setgħa, il-Missier Etern, jagħtina l-istess parir. L-omm tirrifletti din l-intuwizzjoni straordinarja. Jekk aħna rridu ngħixu henjin, qaddisin minn issa, minkejja d-dgħjufija tagħna, ejjew nisimgħu leħen Ġesù. Ejjew nkunu xbieha sabiħa tiegħu. Jekk tgħidli: ‘Kif nista’ nkun xbiha ta’ Ġesù?’
L-ewwel nett itolbu il-grazzja li aħna nimxu l-magħmudija tagħna, għax aħna fil-magħmudija ndfinna miegħu u qomna mill-ġdid miegħu, mal-Mulej Ġesù. Nitolbuh wkoll il-grazzja li jnissel fina spirtu t’umiltà li bih nagħrfu li l-barkiet tiegħu jinkludu kategoriji li d-dinja ma tapprezzax imma li Hu japprezza ħafna, jikkorrispondu mal-qalb tiegħu.
Jekk jiena ngħix il-barkiet li smajna illum, nkun nixbah tassew lil Ġesù.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Apok 7:2-4,9-14
Salm: 23 (24):1-2,3-4ab,5-6
Qari II: 1 Ġw 3:1-3
L-Evanġelju: Mt 5:1-12a





