L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kienet is-sena 594 u l-belt ta’ Ruma sfat milquta mill-pesta. Pesta qerrieda li bdiet tħalli ħafna vittmi. Id-djaknu Girgor li kien ikkonverta, biddel id-dar ta’ niesu fuq l-għolja taċ-Ċedron, f’monasteru ddedikat lil Sant’ Andrija. Iddeċida bl-awtorità li kellu bħala djaknu tal-belt ta’ Ruma, li jagħmel purċissjoni penitenzjali minn Santa Marija Maggiore sa fuq il-Bażilika li kien bena Kostantinu fuq il-qabar ta’ San Pietru. Huma u għaddejjin jitolbu s-salmi, jitolbu biex Ruma tinħeles mill-pjaga tal-pesta, Girgor iħares lejn il-musulew ta’ Adrianu, u jilmaħ lil San Mikiel Arkanġlu, ipoġġi lura s-sejf fil-għant tiegħu, Girgor fehem li Ruma kienet meħlusa mill-pjaga tal-pesta. Tifkira ta’ din l-esperjenza li kellu Girgor, fuq dak li aħna llum insejħulu Kastell Sant Anġelo, li kien il-musulew ta’ Adrianu, hemm l-istatwa ta’ San Mikiel ipoġġi lura s-sejf fil-għant tiegħu.

Qaddej tal-Qaddejja t’Alla

Il-Papa kien miet minħabba l-pesta, għax għalkemm Ruma ma kinitx milqugħta, uħud intlaqtu minn din il-marda qerrieda, fosthom il-Papa.Ir-Rumani fit-3 ta’ Settembru tas-sena 594,kellhom bżonn jagħżlu isqof ġdid ta’ Ruma. L-għażla tagħhom waqgħat fuq dan ir-raġel, li diġà kellu esperjenza kbira tal-amministrazzjoni tal-Belt fis-settur ċivili tagħha. Kellu ukoll esperjenza tal-belt ta’ Kostantinopli fejn mar jipprova – mhux b’ħafna suċċess- jikkonvinċi lill-Biżantini biex jgħinu lil Ruma. Hemmhekk tgħallem li l-aħjar risposta għall-arroganza tal-bniedem, hija l-umiltà. Quddiem it-titlu tal-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, id-Djaknu Girgor tgħallem li huwa qaddej tal-qaddejja ta’ Alla – servus servorum Dei. L-Imperatur ma ħax pjaċir b’dan it-titlu, Girgor kien bniedem umli ħafna, imma rasu iebsa. Għalkemm l-imperatur ma iġġilidx miegħu, it-titlu baqa’ jużah,il-papiet għadhom jużawh sal-lum: servus servorum Dei, (qaddej tal-qaddejja ta’ Alla).

San Girgor Isqof ta’ Ruma

Minn djaknu ġie kkonsagrat isqof u beda jmexxi l-Knisja ta’ Ruma fi żminijiet ta’ inkwiet u taħwid kbir, fejn Ruma ma kellha l-ebda awtorità oħra ħlief dik tal-Isqof, u l-isqof, irid jew ma jridx kellu jieħu ħsieb mhux biss il-Knisja, imma lill-popolazzjoni kollha.

Girgor malajr uża l-ġid li kellha l-familja tiegħu, antikament imnissla mill-ġens Aniċja. Il-ġid li kellha fi Sqalija, sabiex jassigura li Ruma jasal l-ikel,ukoll, huwa  beda s-sistema ta’ ration,hekk kulħadd jieħu dak li għandu bżonn. Hawnhekk naraw is-sens sabiħ ta’ ġustizzja ta’ Girgor, is-sens kbir ta’ għaqal fl-amministrazzjoni. Għamel ukoll sistema  ta’ kontijiet, hekk li kulħadd kellu jagħti kont ta’ dak li jamministra, is-sens qawwi ta’ kontabilità, kelma tant moda fid-diskors illum, ejjew inħarsu lejn San Girgor il-Kbir. Girgor xtaq ukoll li l-kleru kemm jista’ jkun, ikun iddedikat totalment għas-servizz ta’ Alla. Tħabat biex is-saċerdoti miżżewġin ma jużawx il-ġid tal-Knisja għall-familja jieħdu biss dak li hemm bżonn u dak li hu tagħhom. Dak li huwa tal-Knisja hu tal-Knisja. Wara kollox kien jaf xi jkun saċerdot  miżżewwġ, għax il-bużbużnannu tiegħu kien il-Papa Feliċi III.

San Girgor u Malta

Meta ħares lejn Malta fis-sena 598, tkixxef dwar is-sitwazzjoni tagħna, aħna kellna wkoll isqof miżżewwġ, Luċillu, li kellu tifel, li kien jamministra l-artijiet fi Tripli, għax dak iż-żmien Malta kienet ukoll tieħu ħsieb parti mill-Libja, dan ħawwad xi ftit. Din il-ħaġa Girgor ma għoġbitux. Għandna ittra, il-verżjoni tagħha għadha sal-lum. Fost is-sitt mitt ittra li kiteb San Girgor, waħda minnhom miktuba fis-sena 599 lil Ġwanni ta’ Sirakuża, huwa jgħidlu, “inżel Malta u neħħi minn hemm l-Isqof Luċillu, għax qed iħawwad wisq u dan it-taħwid ma jogħġobnix.” Minflok l-Isqof Luċillu, il-Papa Girgor il-Kbir laħħaq lill-Isqof Trajanus. Trajanus  kien monaku, membru ta’ wieħed mill-monasteri li Girgor waqqaf fi Sqalija, fejn il-familja tiegħu kellha l-artijiet ukoll. Huwa għażel lil Trajanu u qalu “tinżilx waħdek. Inżel ma’ tliet patrijiet oħra u għixu flimkien mal-patrijiet fuq il-gżira ta’ Malta.”

Il-problema kienet li Luċillu u ibnu, l-artijiet li ħadu, ma ridux jagħtuhom mill-ġdid lill-Isqof ta’ Malta, allura nsibu ittra oħra li Girgor bil-paċenzja kollha kellu jikteb lid- Defensor Siciliae – difensur ta’ Sqallija. Sqallija kienet Belt imlaħħqa mill-Papa stess biex tieħu ħsieb l-bżonnijiet ċivili ta’ Sqalija, u qallu: “irridek tobbliga lil Luċillu li jien neħħejt minn Isqof ta’ Malta, biex jagħti d-drittijiet marbuta mal-Episkopat ta’ Malta lill-Isqof il-ġdid.” Dawn huma żewġ ittri li juruna li l-qaddis Patrun tagħkom huwa parti integrali mill-istorja ta’ pajjiżna, parti mill-istorja tal-Knisja f’Malta. Minħabba dawn iż-żewġ ittri ta’ San Girgor il-Kbir, nafu li wieħed mis-suċċessuri tiegħi, kien jeżisti fis-sena 599, li kien hawn isqof f’Malta fis-6 seklu, fi żmien San Girgor il-Kbir.  San Girgor kien ħafna attent li aħna l-isqfijiet ma nqisux li l-knisja hija tagħna, imma li aħna wkoll qaddejja tal-qaddejja t’Alla.

Servizz għal Alla

U meta llum erġajt smajt dik l-espressjoni qawwija tal-Appostlu San Pietru lill-Presbiteri meta jgħidilhom biex ikunu eżempju tal-merħla: “Irgħu l-merħla t’Alla fdata f’idejkom, ħudu ħsiebha, mhux bil-fors, imma bil-qalb, kif irid Alla, mhux għal qligħ baxx.” (1 Pt, 5:1-3) Is-saċerdozzju, l-Episkopat, is-servizz li nagħtu aħna, mhux għall-qligħ, imma nagħmluh minn qalbna, kif irid Alla. Bħalikieku taħkmu fuq il-merħla bl-eżempju, mhux bil-qawwa. Girgor kien bniedem ta’ dixxiplina, kien ukoll konvint mid-dgħufija tiegħu. Fit 3 ta’ Settembru, fil-festa tiegħu, fil-Liturġija tas-Sigħat, il-Knisja tistedinna naqraw silta, mir-riflessjoni tiegħu, fejn jammetti d-dgħufija tiegħu. Huwa għandu din l-espressjoni sabiħa, “Jalla l-Imħallef twajjeb jilqa’ din l-istqarrija ta’ ħtijieti u jaħfirli” (Ara Omeliji fuq il-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, tal-Papa San Girgor il-Kbir – Ktieb I, 11:4-6; CCL 142, 170-172). Kien bniedem intelliġenti imma qalbu kbira. Fi żmienu l-fqar ta’ Ruma sabu missier, is-saċerdoti sabu mexxej. Fi żmienu, fejn ma setgħux jaslu bil-forza, wasal bi djalogu u bl-intelligenza.

Bniedem ta’ djalogu

L-Ortodossi jivveneraw lil San Girgor il-Kbir bħala l-bniedem tad-djalogu. L-Ortodossi jqisuh bħala qaddis kbir ukoll, (għaliex kien jgħix qabel l-firda l-kbira tas-seklu 11) isejħulu Girgor ta’ Djalogu, (ħafna mill-Kitbiet ta’ San Girgor huma kummentarji bis-stil ta’ djalogu). Kien bniedem li jasal bi ħbiberija u bid-djalogu. Girgor kien għalliem kbir bil-predikazzjoni tiegħu. Fil-kummentarju fuq il-Ktieb ta’ Ġob, il-ktieb sabiħ li kiteb lil Ġwanni, Isqof ta’ Ravenna, li nsejħulu “r-Regola Pastorali,” li għadha sal-lum ġojjell għalina biex inkunu qaddejja tal-qaddejja t’Alla.

Nimmaġina lill-Isqof Mawro Caruana, li ħabb lil din il-Knisja u ddeċieda li jindifen hawnhekk, iddedika din il-parroċċa u din il-Knisja lil San Girgor, għaliex hu li kien trabba fl-Iskozja, kien ħafna qrib il-kultura Ingliża. Kellu devozzjoni kbira lejn dan il-qaddis, li kien ukoll il-kittieb tal-bijografija ta’ San Benedittu fil-ħajja monastika, għalhekk, għall-Isqof Mawro, San Girgor kien il-missier spiritwali tiegħu. Kien ukoll jiftakar li San Girgor bħala appostlu tal-Ingliżi, l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ dawn iż-żgħażagħ Ingliżi  kienu qed jinbigħu skjavi fis-suq ta’ Ruma, huwa staqsa min huma, qalulu “Sub Angli” – Ingliżi dawn – u qal: “Non Angli, sed angeli, si forent Christiani”(mhux Ingliżi, imma anġli jekk kienu Kristjani) (Historia Ecclesiastica Gentis Anglorum, Ktieb II, kap 1). Huwa bagħat lil Wistin ta’ Canterbury, ma’ monaċi oħrajn, biex jikkonverti lir-Re, u permezz tar-Re lill-poplu tal-Ingilterra.

Ragħaj tagħna

Din il-parroċċa hija monument għall-istorja tagħna, għall-intervent qawwi ta’ wieħed mill-predeċessuri tiegħi Mawro Caruana – insellimlu hawnhekk – imma wkoll għall-Papa Kbir li ħa ħsiebna meta r-ragħaj tagħna kellu bżonn min jiġbdilu widnejh. Jiena nitlob ħafna lil San Girgor, biex widnejja jħallihomli f’posthom, imma li jiena nimitah f’dak li għalih kienet l-aqwa virtù: ta’ isqof u ta’ min immexxi. Mhux l-għerf, mhux l-ittri wara ismu, imma li timitah, tissieħeb fil-ferħ u fin-niket, li ma taħsibx li għax inti fir-responabbilità, għandha għax tikbirlek rasek, imma tkun qaddej tal-qaddejja t’Alla.

Jien nitlob lil San Girgor, għall-mexxejja ċivili tagħna, ukoll għall-mexxejja religjużi, biex aħna nitgħallmu mill-eżempju tiegħu, biex kull tip ta’ awtorità tkun ta’ servizz. Jiena nitlob l-interċessjoni ta’ San Girgor fuq din il-parroċċa, b’sens ta’ nostalġija għaż-żmien li għamilt fostkom tletin sena ilu, bħala saċerdot żagħżugħ.  Jiena nitlob il-barka ta’ Alla fuqkom bl-interċessjoni ta’ San Girgor, jalla l-ispirtu tiegħu jibqa’ eżempju sabiħ għal kull wieħed u waħda minna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta