L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm knisja f’Ruma, San Luigi dei Francesi, li fiha hemm pittura sabiħa tas-sejħa ta’ Mattew, li għadna smajna fl-Evanġelju. Hija pittura ta’ Caravaggio, u hemm tliet pitturi fejn xulxin ta’ Caravaggio fuq San Mattew: is-Sejħa, l-Ispirazzjoni u l-Mewt.

Hija pittura sabiħa ħafna – nistedinkom biex, xi mument, tfittxuha u tarawha – għaliex tfisser b’mod tajjeb ħafna l-messaġġ li jagħtina l-Evanġelju llum għall-ħajja tagħna. Hemm Ġesù, tarah b’idu mifruxa lejn Mattew, u d-dawl fuq idu li jidħol ’il ġewwa fejn Mattew u sħabu li qed jgħoddu l-flus. Ta’ maġenbu jibqgħu jgħoddu l-flus, imma Mattew jagħmel idu x-xellugija b’sinjal, qisu qed jistaqsi: “Lili qiegħed issejjaħ?” Ħafna jaraw f’dik l-id mifruxa ta’ Ġesù xebh mal-pittura ta’ Michelangelo fil-Cappella Sistina, l-id ta’ Alla fil-ħolqien ta’ Adam – u x-xebh qiegħed proprju fil-fatt li l-id ta’ Ġesù qed turi li hu jrid jittrasforma lil Mattew f’ħolqien ġdid.

Ra fih il-potenzjal ta’ ħajja ġdida

L-istorja tas-sejħa ta’ Mattew turina li l-Mulej lilna jsejħilna fejn qegħdin, u meta nwieġbu għas-sejħa tiegħu, isir ġid kbir lilna, l-ewwel nett. Ġesù kien jaf lil Mattew, u kien jaf li ma kellu fama tajba xejn. Kien pubblikan, u ma kinux jaħmluh wisq in-nies għax kien kollaboratur tal-Imperu Ruman minħabba li kien jiġbor it-taxxi.

Imma Ġesù mar lil hinn mit-tikketta tan-nies, ’l hinn mill-passat tiegħu, u ra f’Mattew il-potenzjal ta’ ħajja ġdida, it-trasformazzjoni li jista’ jġib fih. Fil-fatt, kif nafu, Mattew iddeċieda li jimxi warajh. U l-bidla li seħħet fih mhux biss ħalliet ġid kbir fih imma, permezz tiegħu, kif juri l-Evanġelju, ġew għand Ġesù ħafna “pubblikani u midinbin” (Mt 9:11).

Midinbin li nagħrfu l-bżonn tal-ħniena ta’ Alla

F’din l-istorja sabiħa hemm messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, li aħna nagħrfu dan li jgħid Ġesù: “Mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin” (Mt 9:13). U aħna lkoll midinbin, kif ngħidu fil-bidu ta’ kull quddiesa meta ngħidu “Nistqarr ’l Alla…li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u billi ħallejt dmirijieti”. Aħna midinbin.

L-Ewkaristija li niċċelebraw mhijiex il-laqgħa tal-perfetti, imma tal-midinbin li jagħrfu li għandhom bżonn il-ħniena ta’ Alla u l-bidla li jġib fihom Alla. Għalhekk dan jagħmlilna ħafna kuraġġ. Jurina li lilna lkoll il-Mulej isejħilna, għax aħna midinbin u, jekk inħalluh, fina wkoll iġib il-bidla li hi hekk importanti għall-ħajja tagħna.

Il-kontribut tar-reliġjon

Dan hu essenzjalment li tfisser li aħna nagħtu importanza lir-reliġjon fil-qafas kollu edukattiv. Ir-reliġjon tagħtik il-viżjoni, tgħinek biex tagħraf is-sens tal-ħajja tiegħek, id-direzzjoni tal-ħajja tiegħek. Ir-reliġjon ġid kbir tista’ tagħmel.

Għalhekk nifraħ lil din l-iskola, lil Dr Maria Montebello u l-kollaboraturi kollha tagħha, u dawk kollha li ħadmu magħha, biex jagħtu importanza lill-qasam tar-reliġjon bħalma jagħmlu lis-suġġetti kollha li l-iskola tittratta. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nagħtu importanza lil dak li lilna jagħmel il-ġid. Narawha din fil-ħajja tagħna – li meta nimxu skont ma jgħidilna Ġesù, fl-aħħar mill-aħħar inkunu qed nagħmlu ġid lis-soċjetà.

Illum qegħdin f’soċjetà pluralista. Pluralista tfisser fejn hemm fehmiet differenti. Għalina għandha tfisser li dak li nemmnu fih inxandruh fi djalogu mal-oħrajn, u ngħixuh, mhux naħbuh. Inkella, jekk naħbuh, tkun pluralista b’xi ħaġa nieqsa – pluralista mingħajr il-kontribut tar-reliġjon. Qatt ma għandu jkollna sens ta’ inferjorità. Anzi, għandna nagħrfu l-ġid li t-tagħlim tar-reliġjon jagħmel u ġid kbir fil-qasam edukattiv. Meta dan ikun fil-qafas kollu tal-formazzjoni edukattiva, naraw mill-esperjenza tal-ħajja kemm il-valuri li joħorġu mill-fidi tagħna jħallu ġid lis-soċjetà.

Messaġġ sabiħ lill-edukaturi

F’dan l-Evanġelju hemm messaġġ li jolqot ħafna lill-edukaturi. Innutaw kif Ġesù, meta ħares lejn Mattew, ma waqafx fil-passat tiegħu, fix-xogħol tiegħu, f’dak li kienu jaħsbu n-nies fuqu, imma ra fih il-potenzjal ta’ ħajja ġdida. U għenu biex joħroġ dan il-potenzjal, kif fil-fatt għamel – għax imbagħad Mattew ma kienx biss wieħed li mexa warajh, imma ġab nies oħra lejn Ġesù, u ħallielna wkoll wieħed mill-erba’ Evanġelji.

Aħna wkoll, fil-qasam tal-edukazzjoni, lil kull min jiġi l-iskola nilqgħuh – bħalma għandkom ċar fil-Mission Statement tal-iskola. Tilqgħu u taċċettaw lil kulħadd, u tgħinu lill-persuna toħroġ is-sabiħ tal-ħajja tagħha, it-talenti, il-potenzjal. Fuq ħadd ma tagħmlu tikketta “din il-persuna hija hopeless” jew “din għalxejn”, imma tagħmlu ħilitkom ma’ kulħadd. Ovvjament, se jkollok fejn tirnexxi, drabi oħra ma tirnexxix, imma din kienet l-esperjenza wkoll ta’ Ġesù – hu sejjaħ lil Mattew, hu wieġeb; l-oħrajn baqgħu jagħmlu li kienu qed jagħmlu, jew baqgħu indifferenti, bħalma turi l-pittura ta’ Caravaggio fejn ta’ ħdejn Mattew baqgħu moħħhom fil-flus waqt li hu wieġeb għas-sejħa ta’ Ġesù. Dik hi l-ħajja tagħna. Nippruvaw nagħmlu dan bi spirtu tajjeb, b’attitudni tajba, imbagħad il-frott jaf joħorġu l-Mulej.

Gratitudni u barka

Nixtieq li nirringrazzjaw lil Alla għal dawn is-snin li għaddew. Nirringrazzjawh għall-kontribut prezzjuż ta’ Dr Maria Montebello. Nirringrazzjawh għal dawk kollha li huma involuti fil-qasam edukattiv, speċjalment f’din l-iskola – l-edukaturi, l-istudenti, il-ġenituri, il-ħaddiema; nirringrazzjawh għal dawk li għandhom is-servizz ta’ tmexxija f’din l-iskola, u nitolbuh il-barka tiegħu fuqhom ilkoll. F’din il-quddiesa se nitolbu l-barka fuq l-inizjattivi pożittivi li ttieħdu u qed jittieħdu – b’mod partikulari għall-proġett fis-sena tal-Ġublew tat-Tama.

Se nitolbu wkoll lill-Mulej l-għajnuna biex hu jkun ma’ Dr Montebello fil-missjoni ġdida tagħha, u ma’ kull min qed jagħti u jkompli jagħti kontribut f’din l-iskola. Kif għedna fis-Salm, nagħmlu dan dejjem bi spirtu ta’ gratitudni: irroddu ħajr lill-Mulej “għax hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!” (Salm 106:1)

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta