L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Rita kellha ħajja iebsa. Nistgħu ngħidu li l-imħabba tagħha miċ-ċokon u b’mod speċjali meta kienet għarusa u omm irżina kienet imdawra b’ħafna vjolenza. L-imħabba tagħha kienet bħal warda mdawra b’ħafna xewk.

L-ikonografija jew ix-xbihat li għandna ta’ Santa Rita jfakkruna li l-Mulej fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitha għażilha biex tkun xebh tat-tbatija tiegħu. Imma wkoll li bl-imħabba tagħha tegħleb it-tbatija u tittrasformaha. Bil-paċenżja tagħha, bil-maħfra tagħha hija saret għodda ta’ rikonċiljazzjoni u kellha tħallas prezz għoli għal din il-missjoni.

F’Rita minn Cascia jseħħ il-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl lir-Rumani li smajna fil-qari tal-lum: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21). Rita kibret u għexet f’soċjetà vjolenti ħafna imma għarfet tirbaħ il-ħażen u l-vjolenza bil-paċenzja, bl-imħabba u bit-tjubija.

Il-ħajja reliġjuża tagħha kienet ħajja moħbija magħrufa quddiem il-Mulej. Ix-xhud tagħha kien il-Mulej u ppremjaha tal-fedeltà tagħha, tal-manswetuduni tagħha. Għamel minnha strument tal-paċi tiegħu għax fejn hemm il-mibegħda, il-Mulej uża lil Rita biex ikun hemm il-paċi u l-imħabba.

Rita kibret u għexet f’soċjetà vjolenti ħafna imma għarfet tirbaħ il-ħażen u l-vjolenza bil-paċenzja, bl-imħabba u bit-tjubija.

Illum nitolbu lil Santa Rita biex aħna wkoll f’sitwazzjonijiet diffiċli, biex ma ngħidux dak li għalina jidher impossibbli, inkunu strumenti tal-maħfra ta’ Alla, tal-paċi li jġib il-Mulej. U quddiem il-vjolenza, il-mibegħda, l-għira u kull diffikultà oħra, aħna jkollna t-tama, il-fidi u l-imħabba li bihom inħallu ’l Mulej jirbaħ il-ħażen ta’ madwarna u fina permezz tat-tjieba u l-ħniena tiegħu.

Din il-ħaġa ma nagħmluhiex bil-qawwa tagħna imma magħqudin mal-Mulej, li kif smajna fl-Evanġelju minn San Ġwann, jgħallimna li mingħajru ma nistgħux nagħmlu dak li hu tajjeb, “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5).

U l-eżortazzjoni tiegħu għalina, il-parir ta’ Ġesu lil kull wieħed u waħda minna, hija li aħna nkunu ħaġa waħda fih. Rita twaħħdet mal-misteru tal-Mulej fit-tbatija u l-glorja tiegħu f’tant mumenti ta’ ħajjitha. Il-Mulej għaddieha minn ħajja ta’ żwieġ b’diffikultajiet kbar ma’ żewġha u ma’ wliedha, għaddieha wkoll mid-diffikultajiet tal-ħajja tal-komunità reliġjuża, imma dan il-kalvarju li għaddieha minnu, kien ukoll mezz ta’ glorja.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Rita għal tant familji li għaddejjin minn xi diffikultà u b’mod speċjali nitolbu għall-interċessjoni għal kull ħtieġa li għandna bżonn.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 18, 9-18
Salm: 46 (47), 2-3.4-5.6-7
Evanġelju: Ġw 16, 20-23a

Aktar ritratti: ritratti.knisja.mt