L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

L-ilment li smajna llum fl-Ewwel Qari fil-Ktieb tal-Profeta Eżekjel dwar nies “rashom iebsa” hu lment li nistgħu nifhmuh. Għax min hu rasu iebsa – aħna ngħidu bil-Malti, b’espressjoni li tassew nifhmuha, “ras taż-żonqor” – diffiċli tipperswadih, diffiċli li jaċċetta dak li hu ovvju kultant. Ikun tant stinat li tiegħu biss tajjeb.

Niesu ma laqgħuhx

Fil-Kelma ta’ Alla llum, għandna mhux biss f’dan l-Ewwel Qari n-nies rashom iebsa, imma fl-Evanġelju Ġesù jiltaqa’ ma’ nies fl-istess pajjiż minn fejn kien hu, li wkoll kienu rashom iebsa. Dan-nies kienu jafu lil Ġesù meta kien żgħir ħafna, u jafu lill-familja tiegħu, u jafuh jikber, u għalhekk meta issa tfaċċa u bdew jisimgħuh, ma ridux jaċċettawh. Bdew jgħidu:  Dan x’jaħbat? Dan mhux bin il-mastrudaxxa? Ma nafuhomx il-qraba tiegħu? Speċi: kellhom idea tiegħu, anke safejn jista’ jasal fil-ħajja, u hu ma setax jiffittja f’din l-idea, u għalhekk irrifjutawh.

Proprju hawnhekk naraw dak li jsemmi San Ġwann, fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, fil-Prologu, fejn jgħid: “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”. Tant kellhom idea f’moħħhom ta’ kif irid ikun Ġesù, u ma kinitx taqbel mal-idea ta’ kif għandu jiġi l-Messija, li ma ridux jaċċettawh. Ukoll jekk kienu qed jaraw lil Ġesù u jisimgħuh jgħallem b’tant tagħlim sabiħ, u jiskantaw: “imnejn kisbu dan l-għerf?” Ukoll meta kienu qed jaraw l-għeġubijiet li kienu qed isiru, għamlu għamad quddiem għajnejhom. Xorta baqgħu rashom iebsa u ma ridux jaċċettawh.

Dan-nies ma kinux fehmu li Alla għandu l-istil tiegħu, li mhux dejjem jaqbel ma’ tagħna. It-toroq tiegħu xi minn daqqiet huma differenti minn tagħna, u l-ħsibijiet tiegħu kultant differenti minn tagħna.

Alla jaf aħjar minna

Dil-kelma tal-Mulej illum lilna wkoll tiftħilna għajnejna, għax aħna m’aħniex ħielsa minn din it-tentazzjoni. Jista’ jkun li aħna wkoll jiġrilna li minħabba l-idea li jkollna f’moħħna, lil Alla nirrifjutawh. Ikollna ras iebsa miegħu. Anke meta naqraw il-Kelma ta’ Alla jew nisimgħuha, nimmaġinaw li nafu aktar minnu, li qisna kultant se ngħallmuh aħna, jew ngħidulu aħna x’inhu l-aktar importanti, x’inhu ta’ valur illum, kif għandu jimxi.  

Għalhekk il-Kelma ta’ Alla lilna turina li għandu jkollna qalbna u moħħna miftuħa għal din il-kelma, u nħallu lill-Mulej – jekk ma jkollniex rasna iebsa – ibiddel anke ħsibijiet li jkunu daħlu f’moħħna, biex aħna nsiru aktar nirraġunaw bħalu, u mhux naħsbu li hu jrid jagħmel dak li ngħidulu aħna.

Meta niftħu moħħna u qalbna għalih, il-Mulej jgħinna wkoll biex inkunu inqas rasna iebsa mal-oħrajn.

Minn fejn ġejja r-ras iebsa? Kultant tista’ tiġi mill-kburija jew mis-suppervja tagħna, u din timblokka moħħna u qalbna għal dak li jrid il-Mulej. Għalhekk, it-talba li nagħmlulu llum fil-quddiesa hi li aħna jkollna dejjem qalbna u moħħna miftuħa għalih.

X’jgħinna biex ma jkollniex ras iebsa? Jgħinna ħafna jekk aħna nisimgħuh, imma nisimgħuh bis-serjetà. Għax in-nies ta’ żmienu wkoll semgħuh, imma meta semgħuh, stagħġbu, u warrbu dak li kien qed jgħid minħabba l-ideat li kellhom huma. Aħna nitolbuh li nisimgħuh tassew b’qalb miftuħa, ħalli hu jkun hu li jgħinna f’ħajjitna, hu li jurina x’inhu ta’ valur, għax nafu li hu jifhem ħafna aktar minna.  

Qalb aktar miftuħa għall-oħrajn

Meta niftħu moħħna u qalbna għalih, il-Mulej jgħinna wkoll biex inkunu inqas rasna iebsa mal-oħrajn. Kultant anke ma’ xulxin inkunu hekk – l-ilment li smajna llum fil-Kelma ta’ Alla – jiġifieri li ma nkunux lesti nisimgħu tassew lill-oħrajn għax inkunu daħħalna xi ħaġa f’moħħna u tibqa’ hemm. Għalhekk il-Mulej jgħinna biex inkunu mal-oħrajn inqas rasna iebsa u aktar qalb miftuħa għalihom.

Ma rridux inħawdu r-ras iebsa mad-determinazzjoni, għax il-Mulej jitlob minna li nkunu determinati għal dak li hu sewwa. Imma jekk aħna f’qalbna jkollna dik id-determinazzjoni biex nagħmlu dak li jrid Alla, qalbna tkun miftuħa għalih u nimxu ma’ dak li jurina hu.

Nitolbu llum lill-Mulej b’silta minn talba lill-Ispirtu s-Santu: “rattab fina l-ebusija”. Neħħi minna, Mulej, il-qalb u r-ras iebsa, b’mod li moħħna u qalbna jkunu miftuħa għalik u għall-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Isqof Awżiljarju