L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Bħal nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9:36). Din hija d-deskrizzjoni li nsibu llum fl-Evanġelju skont San Mattew, ta’ dawn in-nies li kienu viċin Ġesù, u li Ġesù, meta ħares lejhom, rahom “bħal nagħaġ bla ragħaj”.
Aħna nafu x’irid ifisser meta jgħid “nagħaġ bla ragħaj”. Għax mingħajr ir-ragħaj, in-nagħaġ huma mitlufa, jitħawdu, ma jafux id-direzzjoni fejn iridu jmorru, huma disorjentati. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid li “kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj”.
Tħassarhom u ħa azzjoni
U x’għamel Ġesù? L-Evanġelju jgħid li “tħassarhom”. Mhijiex l-ewwel darba li nsibu li Ġesù jitħassar. Ġesù tħassarhom, imma ma waqafx hemm. Kull darba li nsibu lil Ġesù jitħassar, insibuh jagħmel xi ħaġa.
Hawnhekk, fil-fatt, l-ewwel ħaġa li għamel kienet li jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu. Hu ried iwassal dan il-messaġġ, li qabel xejn, l-iktar importanti hu t-talb. U meta trid tagħmel xi ħaġa għall-ġid, l-ewwel jiġi t-talb.
Imbagħad l-Evanġelju jgħid li sejjaħ lejh tnax mid-dixxipli tiegħu, u għaddielhom l-istess missjoni li kellu hu – il-missjoni li jxandru l-Evanġelju, il-missjoni ta’ fejqan, u l-missjoni wkoll ta’ liberazzjoni mill-ħażen – ikeċċu l-ispirti ħżiena. Din kienet il-ħidma ta’ Ġesù, li dak li ġie għalih hu, il-missjoni tiegħu, jgħaddiha wkoll lill-oħrajn biex ikunu ragħajja f’ismu.
Ma għażilx nies perfetti
Hawnhekk għandna l-ismijiet ta’ dawn it-tnax. U ħaġa li tolqtok ħafna fl-għażla li għamel Ġesù hi li hu ma għażilx nies perfetti. Ma għażilx nies magħrufa dak iż-żmien, nies li kellhom xi poter partikulari, imma lanqas nies perfetti li fuqhom seta’ jgħid “dawn żgur mhux se jiżbaljaw”. Imma għażel nies midinba, għażel nies bil-limitazzjonijiet tagħhom u bid-difetti tagħhom.
Fil-fatt, minn dawn l-ismijiet kollha – isemmi tnax – hemm Pietru, li għażlu biex imexxi, li aktar ’il quddiem fil-Passjoni, caħad li jafu; hemm Ġakbu u Ġwanni li f’mument minnhom riedu post privileġġjat qalb id-dixxipli; hemm Tumas li nafu li aktar ’il quddiem jiddubita li Ġesù qam mill-mewt; hemm Ġuda li l-Evanġelju stess hawn jgħid li ttradih. U minn dawn kollha, ħadd ħlief wieħed, Ġwanni, ma baqa’ ma’ Ġesù fl-aktar mument ta’ tbatija, fil-Passjoni meta kien imsallab.
Lilhom Ġesù għażel biex ikomplu l-missjoni tiegħu, biex ikunu ragħajja għan-nagħaġ bla ragħaj. Għażel lilhom, persuni midinba, dgħajfa, imma li ħlief wieħed, kienu lesti jħallu l-Ispirtu ta’ Alla jibdilhom u jagħtihom il-qawwa u l-enerġija u minnhom imbagħad jagħmel appostli. Fil-fatt, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, dawn in-nies li ma kinux nies li jilħqilhom ħafna, jew ta’ kuraġġ, imorru jxandru l-Aħbar it-Tajba sa truf l-art kollha. U jagħmlu dan mhux bil-qawwa tagħhom, imma bil-qawwa ta’Alla li taħdem permezz tagħhom jekk huma jkunu lesti li jħallu lill-Mulej imexxihom.
Ġesù r-ragħaj tagħna
Dan l-Evanġelju għandu messaġġ sabiħ ħafna għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-ewwel nett, ifakkarna li Ġesù huwa r-ragħaj tagħna. Aħna għandna bżonn lilu. Mingħajru nkunu “nagħaġ bla ragħaj”, mingħajru ma jkollniex id-direzzjoni fil-ħajja, mingħajru nkunu “imdejqa u mitluqa” (Mt 9:36) – min jiġbed ’l hawn, min jiġbed ’l hemm f’ħajjitna, ma nkunux nafu tassew fejn mexjin fil-ħajja tagħna. Għalhekk hu importanti li niftakru li Ġesù hu r-ragħaj tagħna, u kif tlabna wkoll fis-Salm li “aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu” (Salm 100:3).
Ragħajja f’ismu skont il-qalb tiegħu
Imbagħad, messaġġ ukoll li jagħtina l-Evanġelju llum hu l-bżonn li aħna nitolbu, u nitolbu biex ikun hemm ragħajja skont il-qalb tal-Mulej. Għalhekk nitolbu “lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Mt 9:38). Aħna nafu kemm għandna bżonn, anke fil-Knisja f’Malta, li jkollna ragħajja skont il-qalb tiegħu, li jistgħu jaqdu din il-missjoni li Alla tahom.
Messaġġ ieħor li jagħtina llum il-Mulej hu li niftakru li lkoll kemm aħna, bil-magħmudija nipparteċipaw fil-missjoni ta’ Ġesù. Għalhekk ilkoll kemm aħna msejħin biex nieħdu sehem ukoll fil-missjoni li nwasslu l-Bxara t-Tajba, li ngħinu lin-nies fil-fejqan tagħhom u fil-ħelsien mill-ħażen. Jista’ jkun li aħna nħossuna dgħajfa, midinba, b’ħafna limitazzjonijiet. Imma f’dan l-Evanġelju jfakkarna li nixbhu lill-istess nies li għażel Ġesù. Xi ħaġa li tolqtok fl-Evanġelju hi li ħadd ma jipprova jaħbi l-iżbalji, in-nuqqasijiet, id-dnubiet tal-istess nies li għażel Ġesù. Għalhekk aħna wkoll nagħmlu kuraġġ għax il-messaġġ li jagħtina l-Mulej hu li lilna midinbin irid jibdilna għall-aħjar u jgħinna biex inkunu aħna wkoll dawk li nwasslu l-Aħbar it-Tajba tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u nirringrazzjawh tal-kelma tiegħu li tagħmlilna ħafna kuraġġ. Nitolbuh biex ikun hu dejjem ir-ragħaj it-tajjeb li jmexxina f’ħajjitna. Nitolbuh biex ikun hemm ukoll ragħajja li jagħżel hu biex f’ismu jxandru l-Bxara t-Tajba u jkunu ragħajja skont qalbu. U nitolbuh li aħna lkoll nagħrfu s-sejħa li għamlilna li nieħdu sehem minn din il-missjoni, li hi tal-Knisja kollha, u nkunu aħna lkoll sinjal tal-imħabba ta’ Alla qalb in-nies.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju