Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Leonardu Abbati f’Ħal Kirkop
Ritatt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Tlesta il‑proġett ta’ konservazzjoni fuq il‑koppli, il‑kampnari, il‑faċċata prinċipali u l‑ġnubijiet tal‑Knisja Parrokkjali ta’ San Leonardu Abbati f’Ħal Kirkop. Ix‑xogħol ta’ restawr, li ammonta madwar €100,000 b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea, ġie inawgurat mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mill‑Ministru għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti għall‑inawgurazzjoni kien hemm ukoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l‑Kappillan Dun Martin Cardona.

Permezz ta’ dan ix‑xogħol ta’ konservazzjoni, li għalih ikkontribwixxew ukoll il‑parruċċani, tnaddfet il‑ġebla Maltija li kienet esposta għat‑tniġġis tal‑arja, tbiddel il‑ġebel immermer kawża tal‑elementi naturali u d‑diversi interventi ta’ restawr fuq il‑ġebla mas‑snin. Il‑proġett sar skont il‑prinċipji ta’ konservazzjoni kurrenti li jirrispettaw mhux biss l‑integrità strutturali tal‑binja iżda wkoll il‑kwalitajiet estetiċi tagħha bħala l‑qalba tal‑identità tal‑komunità.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi jinawguraw it-tlestija tal-proġett
Ritatt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

L‑Isqof Galea‑Curmi qal li l‑Knisja f’Malta tieħu b’serjetà kbira l‑ħarsien tal‑patrimonju u kontinwament tħeġġeġ lill‑poplu jgħożż il‑patrimonju kulturali Kattoliku. Enfasizza li okkażjoni bħal din “tgħinna nitgħallmu niddistingwu bejn dak li jsebbaħ u dak li jkerrah, dak li hu għall‑ġid komuni u dak li mhux. F’Ħal Kirkop hawn il‑grazzja li l‑knisja baqgħet imdawra b’tip ta’ bini li jirrispetta dan il‑wirt għażiż. Ibżgħu għal dan, għax postijiet oħra f’pajjiżna diġà tilfuh u spiċċaw imdawra b’bini massiv li jitfihom, bħall‑knisja antika tal‑Kunċizzjoni fl‑Imsida u l‑knisja l‑antika tal‑Manikata.”

L‑Isqof temm jgħid li dan il‑proġett ta’ konservazzjoni se jservi ta’ ġid għal kulħadd u l‑ġenerazzjonijiet futuri. jistgħu jagħrfu aħjar il‑valuri umani li tassew jgħinu bil‑bini tas‑soċjetà Maltija.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza l-valur ta’ dan il-proġett bħala eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jilħqu l-komunitajiet u jservu l-wirt u l-valuri tagħna.

“Dan hu investiment fil-wirt tagħna, fl-identità tagħna, fil-qalba tar-raħal ta’ Ħal Kirkop. Proġetti bħal dawn jagħmlu differenza vera fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna u bħala Gvern, se nibqgħu naħdmu biex fondi bħal dawn jibqgħu jiġu investiti b’għan wieħed, li nagħtu lura lill-poplu dak li jixraqlu u li huwa meħtieġ. Dan il-proġett hu xhieda ta’ kif l-għaqda bejn il-parroċċa, l-Arċidjoċesi u l-Istat tista’ twassal għal riżultati sbieħ li jservu lill-komunità kollha,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

L-Isqof Awżiljarju jbierek ix-xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-knisja
Ritatt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Is‑Sur Pace Ross qal li permezz ta’ dan il‑proġett ta’ konservazzjoni, il‑bini tal‑knisja parrokkjali reġa’ ħa l‑ħajja u tispikka l‑ġebla Maltija li ssebbaħ misraħ tipikament ta’ raħal Malti. Saħaq li dan ir‑restawr ma kienx ikun possibbli mingħajr fondi tal‑Unjoni Ewropea, fondi nazzjonali kif ukoll mingħajr donazzjonijiet ta’ benefatturi u parruċċani Koppini. Hu rringrazzja lill‑kumpanija Pisani Restoration għax‑xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr, kif ukoll lill‑EMCS għas‑servizz ta’ konsulenza.

Il‑Knisja ta’ San Leonardu nbniet fis‑seklu 16 iżda tkabbret fl‑1706, hekk kif tgħid l‑iskrizzjoni li tinsab fuq il‑faċċata prinċipali tal‑knisja. Il‑pittura titulari, tal‑artist Malti Rocco Buhagiar, turi lil San Leonardu liebes l‑abitu tal‑Ordni Benedittin, bħala l‑patrun tal‑priġunieri. F’din il‑knisja nsibu l‑fdalijiet ta’ San Benedittu Martri, li ngħataw lill‑parroċċa fl‑1790 mill‑Papa Piju VI fuq talba ta’ Dun Giuseppe Maria Callus.

Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2023.

Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Leonardu Abbati f’Ħal Kirkop
Ritatt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace