Matul dawn l-aħħar xhur il-media wasslitilna rapporti dwar każijiet xokkanti ta’ kefrija kbira fuq l-annimali. Dawn l-atti ġibdu l-attenzjoni tal-pubbliku inġenerali u ħolqu ferment mal-pajjiż kollu. Bla tlaqliq ta’ xejn, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tingħaqad mal-bqija tal-poplu u tikkundanna bla riżervi dawn l-atti barbareski. Li tispara fuq kelb u tidfnu ħaj, li tagħlaq kelb f’borża tal-plastik u titfgħu fiż-żibel ferut u agunija, li ssallab ġeru u ssammru rasu ’l isfel ma’ bieb ta’ residenza, minbarra li jnaqqsu mill-ġieħ tal-istess persuni li jwettquhom, huma atti li joffendu s-sentimenti tal-komunità u għalhekk huma atti li jitolbu kundanna serja li għandha tkun riflessa fis-sentenzi u l-pieni xierqa li jingħataw fil-qorti li jservu ta’ deterrent.
Iżda l-KA tħoss li l-kundanna ta’ dawn l-atti, għalkemm neċessarja, hi biss attakk fuq is-sintomi. Jekk irridu nsibu tarf ta’ din il-problema jeħtieġ li nindirizzaw il-kawża. Għalhekk il-KA tħoss il-bżonn li tqiegħed għall-attenzjoni tal-pubbliku dawn il-punti ta’ riflessjoni li ġejjin:
Ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-annimali
Il-bażi ta’ din ir-relazzjoni, speċjalment għal min jemmen, għandha tkun waħda ta’ umiltà u rispett. Dan jixhduh diversi kulturi minn madwar id-dinja li sa mill-qedem urew ir-rispett li kien jeżisti bejn, pereżempju, il-kaċċatur u l-priża tiegħu. Insibu ritwali u talb li fihom il-bniedem jagħraf ix-xejn tiegħu quddiem il-kobor t’Alla manifest fil-ħolqien u għalhekk, filwaqt li jkun grat ta’ din il-providenza, jitlob l-għajnuna ħalli juża dan il-ġid b’għaqal.
Dan ma nsibuhx biss f’kulturi indiġeni u pagani biss imma – għal min irid jara u jifhem – anke fil-kultura Kristjana. L-eżempju per eċċellenza hu Franġisku t’Assisi li b’sens kbir ta’ umiltà għaraf postu fil-ħolqien u qies lill-annimali daqslikieku kienu ħutu. Minbarra Franġisku nsibu wkoll qaddisin – popolari jew mhumiex – li wrew imħabba u rispett lejn l-annimali: Sant’Antnin ta’ Padova, San Anton Abbati, San Bjaġju, Santa Briġida, Santa Kolett, San Isidoru, San Ġirolmu, San Ġużepp ta’ Kupertino u oħrajn.
Dan ir-rispett jirrifletti l-mod kif in-Nisrani jħares lejn il-ħolqien. Fl-imħabba kbira tiegħu Alla ħalaq id-dinja u afdaha f’idejn il-bniedem bil-kmand li jamministraha bl-istess għaqal u mħabba li wera Hu mal-ħolqien tiegħu. Iżda nafu kif matul iż-żmien dan kollu safa abbużat u l-bniedem mexa bħala amministratur ħażin tal-ġid afdat f’idejh. Biż-żmien u bl-istili ta’ ħajja li addottajna rnexxielna naljenaw ruħna mir-rabta intima li teżisti bejn il-bniedem u l-ħolqien ta’ madwaru. Mhux talli hekk, talli ssuppervjajna u poġġejna lilna nfusna ’l fuq minn kollox u minn kulħadd: ir-riżorsi, il-pjanti, l-annimali, bnedmin oħra, u wasalna biex saħansitra nwarrbu lil Alla. B’hekk il-ħolqien – u allura l-annimali – sar skjav suġġett għall-gosti u l-kapriċċi tagħna.
Imma l-aktar ħaġa tal-waħx hi li tant aħna aljenati li jirnexxielna ngħixu ħajja normali minkejja li ninsabu mdawrin b’tant abbuż. U trid tkun xi ħaġa bħal dawn l-atti spreġġjattivi li jixxukkjawna lura għar-realtà. Wieħed jistaqsi: Għaliex dan l-agħa kollu? Qed nitħawdu għax rajna dawn l-atti fuq il-media? Forsi ħsibna li qabel ma ħarġu dawn l-episodji fid-dieher ma kenitx issir moħqrija tal-annimali? Jew għal ħafna minna: ’il bogħod mill-għajn ’il bogħod mill-qalb?
In-nuqqas ta’ rispett lejn l-annimali u l-moħqrija tagħhom għandu ħafna forom:
- Fl-industrija tal-ikel: l-ispazji limitati u mudlama li fihom jitrabbew ċerti annimali; fit-trasport u l-ħatt ta’ annimali għall-qatla; fil-mod krudil u inuman li bih jinqatlu; fil-ħela ta’ prodotti tal-laħam li jikkawżaw domanda fittizja għal dawn il-prodotti.
- Fid-divertiment: is-swat li jieħdu l-bhejjem tat-tiġrija fit-tlielaq; it-tortura li jsofru annimali taċ-ċirku biex jitgħallmu t-tricks; il-gaġeġ u l-akkwarji ristretti li jkollhom jgħixu fihom annimali selvaġġi mdorrijin fil-ftuħ; il-kaċċa ta’ annimali biex jinżammu bħala trofej; l-użu ta’ annimali waqt protesti, musketterija u l-logħob tal-football; il-ġlied tas-sriedak u l-klieb.
- Fil-moda: il-modi krudili li bihom jitrabbew u jinqatlu l-annimali għall-produzzjoni ta’ kowtijiet u prodotti oħra tal-fur; l-eluf ta’ annimali bħal fniek li jsofru torturi kbar waqt it-testijiet ta’ prodotti bħal shampoos, sapun u make-up.
- L-eluf ta’ ġrieden, fniek, qtates, klieb, xadini u annimali oħra li jsofru injezzjonijiet, operazzjonijiet, mutilazzjoni u stress qawwi, ħafna drabi bla bżonn, bl-iskuża tar-riċerka.
- Il-qerda u t-tniġġis ta’ abitati differenti minħabba l-iżvilupp abbużiv tal-kampanja li jwassal għall-qerda ta’ ħafna annimali selvaġġi.
Hawn min jirraġuna li m’hemm xejn ħażin li bniedem juża l-annimali sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu, dejjem sakemm l-annimali ma jsofrux bla bżonn. Min-naħa l-oħra ssib min jirraġuna li l-annimali mhumiex proprjetà tal-bniedem u għandhom id-drittijiet tagħhom. Fehmiet diversi bħal dawn, qed jiżviluppaw u jimmaturaw maż-żmien, b’mod li qed jinfluwenzaw kemm l-imġiba tal-bniedem lejn l-annimali kif ukoll il-liġijiet li jikkontrollaw il-moħqrija lejn l-annimali. Iżda, minkejja li d-diversi stazzjonijiet Maltin imdewda bi programmi ta’ diskussjoni, għadna ma kellniex dibattitu pubbliku serju dwar din il-kwistjoni. Dibattiti bħal dawn jippreparaw (fost l-oħrajn) lill-pubbliku inġenerali għall-introduzzjoni ta’ liġijiet li jkunu konformi mad-Direttivi Ewropej (bħal dawk li jirregolaw it-tkabbir ta’ annimali għall-ikel, bħat-tiġieġ).
Rispett lejn l-annimali domestiċi
L-annimali domestiċi, bħall-klieb, qtates, għasafar, eċċ, minn dejjem kienu preżenti fid-djar Maltin. Madanakollu, ċerti sidien ma jieħdux ħsieb kif suppost ta’ dawn l-annimali u ma jipprovdulhomx għall-bżonnijiet tagħhom (bħal spazju addattat, post kenni fejn joqogħdu, ikel xieraq, eżerċizzju, eċċ). Din ukoll hi forma ta’ krudeltà u għalhekk hu importanti li wieħed iqis mitt darba jekk hux kapaċi jipprovdi l-kundizzjonijiet xierqa qabel jiddeċiedi li jrabbi xi annimal. Hawnhekk il-KA tixtieq tiddeplora l-abbandun tal-annimali li jkunu saru piż għall-familji li rabbewhom kif ukoll l-użanza irresponsabbli ta’ xi animaturi ta’ festini tal-preċett li jqassmu l-flieles lit-tfal daqslikieku kienu ġugarelli.
Il-KA ma tistax ma tikkummentax ukoll dwar il-każijiet (dejjem jiżdiedu) ta’ trobbija ta’ annimali eżotiċi (pereżempju brimb, sriep, gremxul, pappagalli, tigri) bħala annimali domestiċi. Qabelxejn dawn l-annimali huma annimali slavaġ u għalhekk imdorrijin fi spazji kbar u kundizzjonijiet li huma differenti mill-klima tagħna. Minbarra dan, ix-xiri ta’ dawn l-annimali eżotiċi jmur biex jagħlef industrija li tinnegozja dawn it-tip ta’ annimali. Għal kull annimal li jasal fil-pet shop, eluf oħra jmutu fil-qabda u t-trasport tagħhom. Dan iseħħ għax ħafna minnhom ikunu trasportati b’mod illegali u f’kundizzjonijiet atroċi, sabiex min jinnegozjahom ikun jista’ jkabbar il-profitti minn fuq daharhom. Meta sa nitgħallmu li l-flus ma jagħtukx id-dritt li tagħmel li trid?
X’inhi l-kawża tal-moħqrija li ssir fuq l-annimali?
Skont l-aħħar żewġ papiet li kellna, is-soċjetà tagħna għaddejja minn kriżi morali … kriżi fil-valuri li tħaddan. Dan jidher b’mod speċjali fil-kwistjonijiet ambjentali li qed jifnuna. L-abbużi kollha – kemm dawk li jsiru konxjament u kemm dawk li jsiru inkonxjament – huma frott dirett tan-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja fil-forom kollha tagħha. Infatti kull att lejn ħlejqa oħra (kemm jekk bniedem u kemm jekk annimal) hu bħal mera li tirrifletti x’hemm ġewwa l-qalb ta’ min iwettaq dak l-att. Huwa evidenti li l-mod ta’ kif bniedem iġib ruħu lejn annimal (jew bniedem) ieħor, jiddependi ħafna mit-trobbija li kellu, l-impatt li ħallew fuqu d-diversi ċirkustanzi tal-ħajja, mill-kwalità ta’ edukazzjoni li ħa, u, fuq kollox, minn x’sens jagħmel Alla f’ħajtu. Għalhekk jeħtieġ li nintebħu li l-liġijiet u pieni weħidhom mhumiex biżżejjed sabiex innaqqsu dawn l-abbużi fuq l-annimali. Jeħtieġ niżguraw proċess edukattiv li jgħin lil min ikun qed jitgħallem jiżviluppa l-valuri meħtieġa sabiex jiżviluppa f’ċittadin responsabbli u b’qalb kbira. Dan jgħodd speċjalment meta nitkellmu dwar it-tagħlim tar-reliġjon u l-katekiżmu.
X’nistgħu nagħmlu?
Hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu sabiex nibnu kultura li fiha ngħixu r-rispett li għandu jkollna lejn l-annimali. Hawn ser insemmu l-aktar ideat relevanti:
- Oqgħod attent għal sinjali li juruk li annimal huwa maħqur. Pereżempju: meta tara li annimal (eż. żiemel, baqra, kelb, eċċ) sar għadma u ġilda, jew żviluppa ġrieħi suspettużi, jew għandu xi rqajja minn ġismu fejn waqa’ l-pil. Annimali maħqura jinkludu wkoll lil dawk li m’għandhomx kenn adegwat kemm mix-xita u kemm mix-xemx.
- Jekk tissuspetta xi moħqrija fuq xi annimal tista’ ċċempel mal-ewwel lill-pulizija (fuq 21224001 jew lid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali (fuq 25904113 jew 25904132), jew liċ-Ċentru San Franġisk, li għandhom ukoll ambulanza apposta (fuq 21421446). Il-pulizija għandha wkoll website (http://police.gov.mt/declaration.asp?rtyp=2) fejn tista’ tirraporta ‘Moħqrija tal-Annimali’. Jeżistu wkoll għaqdiet volontarji li lesti sabiex jgħinu bħall-International Animal Rescue, Malta (is-Sur Max Farrugia: 99471212). Tinsiex tagħti l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rapport tiegħek bħall-post fejn seħħ ir-reat, dettalji ta’ x’ġara, data u ħin.
- Interessa ruħek f’kull kitba jew informazzjoni fuq il-media li tittratta d-drittijiet tal-annimali. Sib il-ħin tinfurma ruħek dwar il-liġijiet Maltin li jikkontrollaw il-moħqrija fuq l-annimali (l-Animal Welfare Act, l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali, eċċ).
- Agħti eżempju tajjeb bl-imġiba tiegħek stess lejn l-annimali. Eduka lit-tfal tiegħek u tal-oħrajn dwar il-bżonn li nittrattaw l-annimali kif inhu xieraq.
- Agħti kull għajnuna u ssapportja għaqdiet volontarji li jaħdmu f’dan il-qasam.
- Fittex minn fuq l-internet u informa ruħek dwar l-affarijiet li tixtri (eż. kowtijiet u pets eżotiċi). Ifli t-tiketti tal-prodotti li tixtri ħa tara jekk humiex “Not tested on animals”. Tixtrix prodotti u bbojkottja ażjendi li joffru prodotti li biex saru nħaqru l-annimali. Jekk trid tkun verament proattiv ikteb lill-kumpanija u infurmaha għaliex mhux qed tixtri l-prodott/i tagħha.
Għeluq
Il-KA seħqet kemm-il darba li n-Nisrani għandu responsabbiltà akbar minn ta’ ċittadin normali lejn il-ħolqien kollu, inkluż il-ħlejjaq kollha li ħarġu minn idejn il-Ħallieq. Huwa għalhekk li kull min jemmen f’Alla jrid konxjament jara jekk huwiex qiegħed iwettaq fil-prattika dak li jemmen fih. Huwa għalhekk li kull membru tal-Knisja, kemm jekk huwa kappillan, saċerdot, membru reliġjuż jew membru tal-Knisja, irid jgħin sabiex ikattar ir-rispett lejn l-annimali, l-ewwel u qabel kollox bl-eżempju li jagħti, kif ukoll bit-tagħlim li jwassal.