Fit-2 ta’ Frar Caritas Malta u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni biex jingħata bidu għal riċerka li biha jkunu jistgħu jaraw kif jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ ma jirrikorrux għad-droga, u jaffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum. Ir-riċerka se tkun qed issir mill-Università ta’ Malta.

Waqt il-konferenza, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, qal li dan il-ftehim se jsir minħabba li Caritas intalbet mill-awtoritajiet tas-saħħa biex tagħti rakkomandazzjonijiet li jgħinu biex jipprevjenu l-użu tad-droga. Dan l-għan se jintlaħaq billi tingħata ħarsa lejn familji b’żgħażagħ li ma jħossux il-bżonn li jużaw id-drogi jew sustanzi oħra. Minn dawn l-esperjenzi Caritas Malta tkun tista’ toħroġ bi proposti li jgħinu liż-żgħażagħ jikbru f’ambjent aħjar.

“Ejja naraw fejn hemm is-saħħa, fejn hemm riżultati pożittivi u x’informazzjoni toħroġ”, spjega Gatt.

Filwaqt li d-Direttur tal-Caritas qal li ġew ispirati wkoll mill-mudell li addottat l-Iżlanda, hu saħaq li trid issir ukoll ir-riċerka lokali. Mistoqsi dwar kif dan il-mudell se jiġi implimentat fil-kuntest lokali, Gatt fisser li l-Iżlanda kienet fi kriżi li ssolviet billi saru numru ta’ investimenti fl-isport u fil-familji, u billi infurzaw curfews għal żgħażagħ ta’ ċertu etajiet.

Filwaqt li Gatt qal li elementi minn dan il-mudell qed jiġu applikati għal Malta, hu stqarr li l-mudell ta’ studju se jiġi addattat għal Malta biex il-proposti jkunu bbażati fuq ir-realtà Maltija kif ukoll qed jiġu kkunsidrati l-isfidi ltaż-żgħażagħ Maltin, u l-importanza tar-rispons għal dawn l-isfidi.

B’referenza għal dan il-ftehim, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella sostna li hu importanti li l-Università taħdem ma’ Caritas Malta biex tipprova tistabbilixxi fejn qiegħda l-problema tad-droga. Żied jgħid li l-ambjent ta’ Malta hu differenti minn ta’ pajjiżi oħra fid-dinja, u għaldaqstant hemm bżonn li ssir riċerka hawn Malta.

“Meta l-Caritas qed tieħu dan is-servizz b’xejn mill-Fakultà għat-Tisħiħ Soċjali, il-Fakultà qed tagħmel dan għax ir-riċerka tagħha jrid ikollha bażi soda, u Caritas Malta se tagħti l-esperjenza tagħha biex tiffaċilita x-xogħol tar-riċerkaturi”, spjega Prof. Vella.

Sors: Newsbook Malta