• L-Arċidjoċesi ta’ Malta flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza tal-EU 2017 u għall-Fondi tal-EU fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, daħlet għall-proġett ambizzjuż li qed iwassal biex jitwaħħlu sistemi fotovoltajċi fi 35 sit li huma ta’ 28 parroċċa mifruxa ma’ Malta kollha. Parti minn dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp tar-Reġuni taħt l-Operational Programme 1 – Cohesion Policy 2007-2013.

    Bħalissa għaddej ix-xogħol tat-twaħħil ta’ dawn is-sistemi, xogħol li hu mistenni li jkun mitmum salaħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena.

    Meta jkun lest, ikunu ġew imwaħħla 1,268 pannella li jkollhom PV Array Peak Power ta’ 366kWp. Dan ifisser li kull sena jiġu prodotti 566.72MWh ta’ elettriku, jiġifieri ta’ 566,720 unit. Dan ikollu effett dirett fuq l-ambjent għaliex jiġu ffrankati 497.58 tunnellati ta’ carbon dioxide.

    Il-proġett għandu budget ta’ €1,188,707.80 li nofshom ser toħroġhom l-Arċidjoċesi, 42.5% minn Fondi Ewropej u 7.5% minn Fondi Nazzjonali.

    Dawn huma s-siti fejn ser jitwaħħlu l-pannelli: Iċ-Ċentri Parrokkjali ta’ Ħ’Attard, ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’B’Kara, ta’ B’Buġa, tal-Għargħur, tal-Iklin, ta’ Ħal Lija, tal-Mellieħa, ta’ Mliet fil-Mosta, tal-Imsida, tal-Imtarfa, ta’ Paola (Lourdes), ta’ Ħal Qormi (San Ġorġ), ta’ Ħal Qormi (San Sebastjan), ta’ San Girgor f’tas-Sliema, ta’ Sant Andrija, Xagħjra, Nazzaret f’Ħaż-Żabbar u tas-Swatar.

    Imbagħad hemm dawn il-knejjes u kappelli: ta’ San Martin fil-Baħrija, tad-Duluri fil-Ħamrun, tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun, ta’ Lourdes fir-Raħal Ġdid, ta’ Pembroke, ta’ Santa Luċija, ta’ Birżebbuġa, tal-Ibraġ, tal-Erwieħ f’Ħal Tarxien u ta’ Bubaqra fiż-Żurrieq.

    Ser ikun hemm ukoll pannelli fuq għadd ta’ garaxxijiet li huma propjetà tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Fosthom, wieħed isib garaxx f’Ħad-Dingli, garaxxijiet f’Ħal Safi, garaxx f’M’Xlokk, fuq l-Annexe u l-Oratorju fin-Naxxar, fuq is-Sala San Patrizju fir-Rabat u fuq il-Mużew tas-Santwarju f’Ħaż-Żabbar.