L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għażiż Fra Ryan, inti qed tiġi ordnat waqt li qegħdin infakkru żewġ appostli, tnejn minn dawk magħżula minn Ġesù, biex ikun jista’ jibgħathom, imma qabel xejn jibqgħu miegħu.
L-ewwel talba li nagħmel fuqek illum hi biex inti u tiġi ordnat djaknu tiftakar li l-ewwel missjoni tagħna hija li nkunu ma’ Ġesù, u li nkunu ta’ Ġesù. Imbagħad, fejn jibgħatna nkunu nistgħu nwasslu xrara mill-qalb tiegħu.
It-tifkira ta’ dawn iż-żewġ appostli, tfakkarna fis-sejħa li għamlilhom Ġesù. Wieħed kien minn Betsajda, Filippu; l-ieħor kien qarib ta’ Ġesù, bin Alfew. It-tnejn kellhom kuntatt ma’ Ġesù b’mod differenti, imma t-tnejn laqgħu s-sejħa biex ikunu tiegħu u miegħu.
Filippu huwa dak li introduċielhu l-Griegi; u Ġesù jifraħ meta b’dak li għamel Filippu se jiltaqa’ ma’ kultura dominanti f’dak iż-żmien li kienet ukoll kurjuża dwar min kien l-Iben ta’ Alla. Ġesù jitqanqal għal dan il-misteru ta’ Filippu. Nawguralek li inti tressaq ħafna erwieħ u qlub lejn Ġesù u li permezz tiegħek, Ġesù jibqa’ jifraħ fil-misteru tal-qawmien tiegħu mill-Imwiet.
Iż-żewġ appostli kienu wkoll parti mill-grupp li fil-mument tad-dlam telqu u ħarbu. Imma kienu wkoll dawk li ltaqgħu mal-ħarsa ħanina ta’ Ġesù Irxoxt u laqgħu t-tislima tiegħu: “Is-sliem għalikom” (Ġw 20:19). Jalla fil-mument tad-dlam ta’ ħajtek, ibni, inti ma togħtorx, imma tibqa’ tixxennaq għal dik il-ħarsa ta’ Ġesù Irxoxt li kontinwament tagħtik il-faraġ u tgħidlek: il-paċi miegħek.
Dawn kienu żewġ appostli li fl-aħħar ċena ħallew lil Ġesù jaħslilhom saqajhom. Huma semgħuh jgħidilhom: “Intom issejjuħli l-Imgħallem, u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:13-14). Inti u tilqa’ l-ministeru tad-djakonat, għażiż ħija Ryan, qis li tħalli lil Ġesù jkun il-qaddej tiegħek biex mill-eżempju tiegħu, inti ssir qaddej tal-poplu ta’ Alla.
Il-Mulej qiegħed issejjaħlek bħala reliġjuż Franġiskan Kappuċin. Tinsiex l-għeruq tas-sejħa tiegħek, li hija fuq kollox sejħa biex il-qadi tiegħek ikun qadi preferenzjali għall-fqar; il-qadi tiegħek ma tivvintahx inti imma jkun frott tal-ubbidjenza lejn s-supperjuri leġittimi tiegħek u lejn l-isqof ta’ fejn tkun mibgħut. Jalla l-qadi tiegħek ikun qadi fqir, imma li ħafna jsiru għanja bil-ħniena u bil-grazzja tal-Mulej. Qis li l-qadi tiegħek, ikun frott l-imħabba safja; mhux imħabba possessiva jew regħba jew għajjura, imma mħabba li twassal lil kulħadd, lil kull min jiltaqa’ miegħek, xrara mill-qalb ħanina ta’ Ġesù.
Itlob bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija tal-Grazzja, li fit-tempju tagħha int qed issir djaknu. Hija għarfet li kienet il-qaddejja tal-Mulej. Hi għarfet li l-Mulej ħares “lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48); u l-ewwel istint tagħha kien li titlaq tgħaġġel lejn l-għoljiet biex tkun ta’ qadi u servizz lil qaribtha tagħha Eliżabetta. Qis li Sidtna Marija tal-Grazzja, għażiż ħija Ryan, tgħallmek tkun qaddej irżin.
Itlob lill-qaddisin kollha tal-Ordni Kappuċin, u itlob lill-Mulej li fil-ħniena tiegħu, bil-qadi li se jsejjaħlek għalih, iwasslek ukoll għall-qdusija.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ġer 1, 4-10
Salm: 18:2-5
Qari II: 1 Kor 15:1-8
Evanġelju: Ġw 14:6-14