Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Illum fil-festa tal-preżentazzjoni tal-Mulej, it-tislima tiegħi tmur lejkom għeżież reliġjużi. Tislima ta’ gratitudni u fl-istess ħin  talba u barka fuqkom. Il-gratitudni l-ewwl nett għal tant ħidma, imma fuq kollox il-preżenza tagħkom fl-ambjenti  tagħna tal-karità tal-formazzjoni, tal-ispiritwalità, fil-parroċċi tagħna, fid-djoċesi tagħna. Grazzi .

Illum huwa l-mument li lill-Mulej ngħidulu grazzi  magħkom, minħabba fikom u għalikom. Darba President, insemmiha b’isimha, Marie Louise Coleiro Preca, qaltli ‘Father, naħseb diffiċli tikkalkola kemm ikkontribwew lil pajjiżna ir-reliġjużi.’ Kienet qed taħseb f’kejl monetarju. Illum biex ikollok xi ħadd jieħu ħsieb, per eżempju, lit-tfal u ż-żgħażagħ u ma jkollokx nies impenjati bħalkom, trid taħseb f’shifts ta’ tmien sigħat. U l-gvern jiswewlu djamanti dawn is-servizzi. U tant snin, sekli kbar ta’ servizzi. Kultant ninsewhom, neħduhom for granted u nqisuhom li ngħatawlna bi dritt.

Huwa l-mument li niefqu u ngħidu grazzi. Imma wkoll nitolbu biex il-preżenza tar-reliġjużi tibqa’ magħna. F’isem il-Mulej ngħidilkom itolbu biex intom tibqgħu preżenza ħajja fid-djoċesi. Meta niltaqa’ mas-superjuri maġġuri dejjem ninsisti li kull reliġjuż u reliġjuza anke meta l-ħajja tkun immaturitat fiż-żogħżija tagħha, jiġifieri nkunu ilna ħafna snin żgħażagħ hemm bżonn li tibqa’ attwali, li tibqa’ utli u ninsisti, kif jafu, magħhom li jissuġġerixxu lil dawk li ma jistgħux ikunu attivi bħalma kienu qabel, jidħlu fil-ministeru tal-interċessjoni  u l-ħajja ssir offerta’ u talba lill-Mulej, talba li bħal kalamita tiġbed fuq Malta u Għawdex, fuq id-dinja, id-don tas-sliem, tal-għaqal u tal-imħabba.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Qegħdin hawnhekk f’din il-knisja, frott ix-xogħol u d-dedikazzjoni tal-Ordni Tereżjan u qegħdin infakkru ċentinarji speċjali li jintrabtu mal-kariżma ta’ San Ġwann tas-Salib. Se niġbed żewġ espressjonijiet li qrajt fil-kitbiet tiegħu meta kont għadni seminarista imma baqgħu miegħi. Waħda minn  dawn l-aforiżmi tiegħu (intom tafu li kien ukoll poeta kbir) kienet ukoll tikkwotah ħafna Chiara Lubich, ‘Fejn m’hemmx l-imħabba poġġi l-imħabba u ssib l-imħabba’ (San Ġwann tas-Salib, Ittra 26, lil Madre Maria tal-Inkarnazzjoni, 1591). U din nixtieq għalikom u għalija u għalina lkoll illum. Li nkunu preżenza li f’kull qasam, fejn m’hemmx l-imħabba tpoġġi l-imħabba. Fejn m’hemmx l-imħabba ħafna drabi nsibu l-qrusa tar-rabbja, il-qrusa tad-depressjoni. X’se tkun ir-risposta tagħna? Ejjew inpoġġu l-imħabba  u l-imħabba xxettel u tikber.

Poeżija ċkejkna li kont qrajt fl-oriġinal tiegħu u peress li qasira bħali bqajt niftakarha,  tgħid hekk, ngħidha kif niftakarha bl-Ispanjol l-ewwel. Del Verbo divino,la Virgen preñada viene de camino:¡si le dais posada! – Mill-Verb Divin, il-Verġni tqila ġejja fi triqitha: jekk tagħtuha kenn!

X’irid jgħid biha din il-poeżija ċkejkna, erba’ linji, San Ġwann tas-Salib? Qed jitkellem fuq l-Omm Verġni tqila bl-Iben Del Verbo divino,la Virgen preñada qed iġorr l-Iben fil-ġuf tagħha. Viene de camino:¡si le dais posada! Tiġi għandek jekk tiftħilha l-bieb, jekk toffrilha d-disponibilità  tiegħek il-posada, fejn tista’ tistrieħ u jiena dan nawgura lil xulxin anke bl-interċessjoni ta’ San Ġwann tas-Salib li aħna nagħmlu spazju għall-Verġni Marija fil-ħajja tagħna. Għax jekk nagħmlu spazju għall-Verġni Marija hi se tiġi b’Ġesù magħha għax hija t- Theotokos (Titlu lil Marija Omm Ġesù), hija l-għamara tagħna l-bnedmin. Hija dik li meta tħares lejha tara l-omm tal-Iben t’Alla. Meta tisma’ l-vuċi tagħha tismagħha tgħidlek ‘Għamel dak li jgħidlek hu.’ ‘Għamlu dak li jgħidilkom hu.’ (Ġw 2:5) U allura nitlob fuqna lkoll, nibda l-ewwel wieħed minni, li aħna f’din is-sena anke biex nonoraw dan iċ-ċentenarju ta’ San Ġwann tas-Salib, nagħmlu spazju għall-Verġni Marija.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Imma ma nistax ninsa wkoll lill-familja Franġiskana li qiegħda tiċċelebra 800 sena mit-transitu tal-maħbub u kbir San Franġisk. Il-Mulej xtaq li jkun immarkat bis-sinjali tal-imħabba tiegħu. Kien privileġġ partikolari fil-knisja; ftit hawn esperjenzi tal-istigmati li ġew rikonoxxuti. L-unika waħda li hija rikonoxxuta b’mod papali  hija dik ta’ San Franġisk minn Papa Sisto IV  li kien Franġiskan, imma nieqaf hemm. Nafu wkoll li Padre Pio ta’ Petralcina kien ukoll magħruf għal dan id-don, bħalma kienet ukoll Sta Caterina da Siena b’xi mod differenti, bħalma kienet ukoll Santa Rita ta’ Cascia, tant esperjenzi mistiċi li huma frott ukoll tal-ħajja reliġjuża, li l-Mulej għażel biex ibierek l-esperjenza reliġjuzi.

Imma San Fanġisk kien isejjaħ il-mewt bħala sorella. La morte corporale – il-mewt tal-ġisem, fil-Cantico jsejħilha sorella morte corporale għaliex hu kien jibża’, kien imwerwer minn la morte spirituale – il-mewt spiritwali. U jitlob fil- Cantico delle Creatura li għalkemm bilfors rridu ngħaddu minn dak il-bieb, tal-mewt tal-ġisem, il-Mulej għandu bżonn fil-ħniena tiegħu jiskansana mill-mewt eterna. U l-ħajja reliġjuża hija wkoll din l-istedina li aħna nkunu liberi u ferħanin f’din il-ħajja. Li għalina l-mewt tkun tieqa fil-ħajja ta’ dejjem mhux ħajt li naħbtu miegħu u li fl-istess ħin nagħmlu ħilitna biex niggranfaw mal-ħniena t’Alla ħalli t-tieni mewt, dik ta’ dejjem, ma tolqotna qatt.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

I would like to greet our English-speaking religious, who are becoming more and more numerous over the years. Part of the readings were in English today, and I thought, “Well, this may be the majority language in a few years.” Perhaps we will need to celebrate this important feast in English in the years to come.

I would like to greet you, to thank you for your presence among us, to thank you for all that you do, and to pray that you may grow in holiness.

Today, Jesus Christ is presented as the light of the world, the glory of Israel. He is our salvation, but he is also a sign of contradiction. This is what we need to prepare to be: signs of contradiction. That is, when people see us, they realise that we embrace different values. We pray that the values they see in us are the right ones, the beautiful ones—those that lead us to others: humility, patience, love, and kindness.

We also pray for the intercession of all our founding saints. May they intercede for us and bless this happy land—this fragile land of ours—with vocations to the religious life.

Il-Kumitat il-ġdid tal-Istitut ta’ Ħajja Konsagrata (Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta)

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Mal 3:1-4
Responsorju: Salm 23:7-10
Qari II: Lhud 2:14-18
L-Evanġelju: Lq 2:22-40