L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mimlijin ferħ kbir, reġgħu lura Ġerusalemm u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla”. Mill-ewwel tolqotna r-reazzjoni ta’ dawn id-dixxipli, li kien għad kif kellhom l-esperjenza ta’ Ġesù li tela’ s-sema. Meta, kif jgħid l-Evanġelju skont San Luqa, Ġesù nfired minn magħhom u tela’ s-sema, kont tistenna li r-reazzjoni tagħhom kienet tkun ftit differenti – il-fatt li hu telaq, infired minn magħhom”. Imma l-Evanġelju jgħid: “mimlijin b’ferħ kbir”.

Tolqtok din ir-reazzjoni, għax id-dixxipli fehmu li meta Ġesù tela’ s-sema, ma kienx qiegħed fil-fatt jinqata’ minn magħhom biex jibqa’ hu għalih, u huma għalihom. Imma kien se jkun preżenti magħhom b’qawwa kbira meta jibgħat l-Ispirtu tiegħu – il-festa speċjali li niċċelebraw nhar il-Ħadd li ġej f’Pentekoste – u huma jkollhom din il-preżenza tiegħu magħhom dejjem. Għalhekk, ma kinitx fil-fatt firda b’mod li nqata’ minn magħhom. U l-ewwel ħaġa li għamlu d-dixxipli, mimlijin b’ferħ kbir, kien li jinġabru fit-tempju “ibierku lil Alla”.

X’tgħidilna din il-kelma ta’ Alla għall-ħajja tagħna llum? Nixtieq insemmi żewġ punti li narahom tant importanti għall-ħajja tagħna, meta niċċelebraw is-solennità tat-Tlugħ il-Mulej fis-sema.

Ħarsitna ’l fuq

L-ewwel nett, il-ħarsa tagħna għandha tkun lejn is-sema, għax id-destinazzjoni tagħna hi s-sema pajjiżna. Dan hu l-messaġġ importanti li jagħti Ġesù aħna u nħarsu lejh – kif narawh f’diversi pitturi – tiela’ lejn is-sema. Ifakkarna li lkoll imsejħin biex naslu hemmhekk, kif ngħidu f’talba fil-quddiesa llum, “naslu fejn daħal qabilna hu”. Din hi d-destinazzjoni tagħna.

Tagħmel differenza li aħna jkollna jew ma jkollniex din il-ħarsa lejn is-sema. Għax altru taf li wara s-snin li ngħaddu hawnhekk f’din il-ħajja, min iktar u min inqas, se naslu xi mkien; u altru m’aħna se naslu mkien. Meta ma nżommux il-viżjoni tad-destinazzjoni tagħna, f’ħajjitna jkun hemm ċertu vojt u dak li nagħmlu jkun xi ħaġa li nagħmlu u tgħaddi, u nħossuh mitluf għax għadda; imma meta dejjem inżommu f’qalbna li mexjin lejn is-sema pajjiżna, u dak li nagħmlu nippruvaw nagħmluh tajjeb, dan ikun ta’ valur għax ikun proprju pass wara pass f’din il-mixja.

Għalhekk l-ewwel messaġġ importanti għall-ħajja tagħna hu li għandna din id-destinazzjoni, din it-tama qawwina li tahielna Ġesù u li jfakkarhielna hu u tiela’ s-sema.

Saqajna mal-art

It-tieni messaġġ li jolqot ħafna lil ħajjitna hu dan: li filwaqt li l-ħarsa tagħna hi lejn is-sema, saqajna huma mal-art u r-responsabbiltà li għandna hi hawnhekk, issa, fiż-żmien li għandna issa. Għalhekk il-ħsieb tas-sema qatt ma għandu jaljenana minn dak li għandna nagħmlu llum hawnhekk; anzi, il-ħsieb tas-sema iktar għandu jgħinna biex naqdu b’responsabbiltà s-sejħa li Alla jagħmlilna hawnhekk, u l-ħajja li Alla jagħtina hawnhekk.

Għalhekk, irridu ngħixu dak li jgħallimna Ġesù hawnhekk, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Qabel xejn, irridu ngħożżu l-ħajja umana li tana l-Mulej. L-għożża tal-ħajja umana hi tant importanti għalina li nemmnu – tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Ma għandna ebda dritt li meta hemm ħajja umana li bdiet, nagħżlu liema waħda tgħix u liema ma tgħixx, liema waħda tkompli u liema tieqaf. Alla sejħilna biex il-ħajja umana tagħna u tal-oħrajn inħarsuha u ngħożżuha.

Għandna ngħixu b’responsabbiltà s-sejħa li Alla għamlilna. Hemm diversi sejħat. Hemm min Alla sejjaħlu għall-ħajja miżżewġa – dik hi vokazzjoni – u min għal ħajja kkonsagrata, jew vokazzjoni oħra. Alla jsejħilna biex ngħixu b’responsabbiltà, b’dedikazzjoni u b’ġenerożità s-sejħa li jagħmlilna.

Għalhekk hu importanti li nagħrfu li ż-żmien li Alla jagħtina hawn hu prezzjuż. Iktar ma ngħixuh tajjeb hawnhekk, iktar qed naqdu l-missjoni li Alla tana. Ġesù jgħid lid-dixxipli “intom xhud ta’ dan” u lilna jridna nkunu xhieda tiegħu, b’dak li nagħmlu u b’dak li ngħidu.

Il-Mulej magħna

Irridu niftakru xi ħaġa importanti li qatt ma nsew l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù: li l-Mulej hu magħna. Il-preżenza ħajja tiegħu magħna hawn hi għajnuna biex il-ħajja ta’ hawn nagħmluha l-isbaħ u l-aħjar possibbli. Mhux dejjem jiddependi minna li l-affarijiet jimxu sew, għax inħabbtu wiċċna ma’ ċirkustanzi diversi fil-ħajja, imma bl-għajnuna u bil-qawwa tiegħu nkunu nistgħu nagħmlu l-ħajja tagħna u ta’ dawk li jmissu magħna ħafna isbaħ u aħjar.

Nitolbu lill-Mulej illum, f’din il-festa sabiħa tat-Tlugħ tiegħu fis-sema, li dejjem niftakru fid-destinazzjoni tagħna, is-sema pajjiżna, u li qegħdin f’din il-mixja biex naslu hemm; u fl-istess waqt nagħrfu dejjem ir-responsabbiltà tagħna li ngħixu l-ħajja li jagħtina hawn bl-ikbar imħabba, konvinti li bl-għajnuna tiegħu nistgħu nagħmlu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn isbaħ u aħjar.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju