Hemm tliet kelmiet li jiġbru din il-ġrajja li smajna llum fl-Evanġelju skont San Luqa, fejn lil Ġesù nsibuh b’rieda sħiħa miexi lejn Ġerusalemm. Huma kelmiet li huma ta’ għajnuna għalina li rridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù, u nimxu warajh.
Hemmhekk ma laqgħuhx
L-ewwel nett il-kelma ‘rifjut’. Naqraw fl-Evanġelju l-kliem “Hemmhekk ma laqgħuhx”. Dan hu x’ġaralu Ġesù meta hu u sejjer lejn Ġerusalemm, ried jgħaddi f’raħal tas-Samarija. Bagħat xi messaġġiera qablu biex iħejjulu fejn joqgħod iżda f’dar-raħal ma laqgħuhx, ma riduhx. Dan hu r-rifjut li ltaqa’ miegħu Ġesù. Ma kinitx l-ewwel darba; sa mill-bidu Ġesù sab lil min jirrifjutah. Fil-fatt insibu fil-Prologu ta’ San Ġwann: “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11), u “ma kienx hemm post għalih” (Lq 2:7) meta ġie biex jitwieled. Sa mill-bidu kellu l-esperjenza kerha li jkun rifjutat.
Quddiem dan ir-rifjut, x’riedu jagħmlu d-dixxipli? L-Evanġelju jurina r-reazzjoni ta’ tnejn mid-dixxipli, Ġakbu u Ġwanni, li kienu tnejn ta’ ġewwa ħafna ma’ Ġesù. Quddiem dan ir-rifjut għandhom reazzjoni vjolenti: “Tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Lq 9:54) Qed jgħidulu: huma rrifjutawh, u int ikkastigahom, eqridhom. X’jagħmel Ġesù? Iċanfar lil dawn id-dixxipli qrib tiegħu. Huma mingħalihom qed jiddefendu lil Ġesù, u hu jċanfarhom. Quddiem ir-rifjut, Ġesù ma jirrabjax, ma jaħsibx f’xi kastig, lanqas ma jagħmel xi reazzjoni iebsa. Imma, kif naqraw fl-Evanġelju, quddiem ir-rifjut ta’ dan ir-raħal, jgħaddi għal raħal ieħor.
Dan ifakkarna f’dik ix-xbieha sabiħa li nsibu fil-Ktieb tal-Apokalissi: “Ara jien qiegħed fil-bieb u qiegħed inħabbat” (Apok 3:20). Dak hu li jagħmel f’ħajjitna Ġesù. Ma jisfurzax ruħu. Iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna. Jekk nilqgħuh, ingawdu aħna. Jekk nirrifjutawh, huwa aħna li nbatu. Mhux hu li jġagħalna nbatu, aħna li mmorru minn taħt.
Ma hemmx post għall-‘imma’
It-tieni kelma hi l-kelma ‘impenn’ – commitment. Id-dixxiplu ta’ Ġesù msejjaħ biex jimxi warajh b’impenn.
L-Evanġelju jurina nies li ltaqgħu ma’ Ġesù fit-triq, u hawn tolqotna kif Ġesù għandu tweġiba ċara lil kull wieħed minn dawn. Wieħed jgħidlu “tmur fejn tmur, jien niġi warajk” (Lq 9:57), qisu kien entużjast u lest għal kollox, top fan tiegħu. Ġesù jagħmilhielu ċara li l-annimali għandhom il-postijiet tagħhom, imma “Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”. Qisu qed jgħidlu: nispera li taf x’qed tgħid, mhux l-entużjażmu waħdu li jgħodd. Ma jgħidlux hekk biex jaqtagħlu qalbu, imma biex jurih ċar xi jfisser meta jgħidlu li se jkun warajh imur fejn imur. Ġesù ma jużax il-popolarità għall-gwadann tiegħu. Ġesù hu dejjem ċar u bla ħabi.
Dak hu li jagħmel f’ħajjitna Ġesù. Ma jisfurzax ruħu. Iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna. Jekk nilqgħuh, ingawdu aħna. Jekk nirrifjutawh, huwa aħna li nbatu. Mhux hu li jġagħalna nbatu, aħna li mmorru minn taħt
U lill-ieħor li did-darba Ġesù jagħmillu hu l-istedina “imxi warajja” (Lq 9:59), imma jinduna li jrid iġib skuża bil-familja, Ġesù jwieġeb li ma tistax titlajja, ma tistax tistenna li jkollok l-affarijiet kollha f’posthom biex issegwi lilu.
X’naraw f’dal-kliem ta’ Ġesù? Hu jurina li hemm impenn meta ngħidu li nkunu dixxipli tiegħu. Hi għażla. Hi tweġiba għas-sejħa tiegħu, imma hi għażla b’impenn. Hi għażla personali, jiġifieri għażla tagħna, ħadd ma jagħmilha għalina. Mhijiex għażla għax kulħadd qed jagħmel hekk u jien nagħmel l-istess. Mhux mal-kurrent, nimxi max-xejra taż-żmien, ta’ fejn inkun. Hi għażla mingħajr kompromessi – ma nistax inżomm ruħi iggranfat ma’ xi ħaġa oħra li ma taqbilx ma’ dit-triq, dik l-“imma”. Ma nistax ngħix żewġ ħajjiet, inqabbel fejn jaqbel. U hi għażla li tfisser sagrifiċċju, hemm dak li hu iebes imma li hu vallapena. Għalhekk Ġesù hu ċar ma’ dawn in-nies.
Dan hu messaġġ importanti ħafna għalina llum u se jkun aktar u aktar fis-snin li ġejjin. Hawn diġà tant influwenzi f’ħajjitna, u se jkun hemm aktar fil-futur. Għalhekk ħafna jiddependi minn kemm inkunu konvinti mill-fidi tagħna, dixxipli konvinti ta’ Ġesù, u din il-konvinzjoni ngħixuha bil-ferħ. Diġà qegħdin, u se nkunu aktar, f’soċjetà fejn li tkun Nisrani ġieli jfisser li tkun differenti minn ċerti fehmiet u drawwiet taż-żmien. Għalhekk hemm bżonn formazzjoni soda fil-fidi. Dan hu l-impenn li rridu nieħdu bħala Nsara li nieħdu bis-serjetà l-fidi tagħna.
Ma nħarsux lura
It-tielet kelma hi ‘perseveranza’. Li tfisser li int tkompli sal-aħħar dak li tibda tajjeb.
Narawha f’dak li jgħid Ġesù lil wieħed ieħor: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura, mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla” (Lq 9:62). Iħares lura, jiġifieri jerġa’ jibdielu, ma jkomplix fl-impenn tiegħu. Din hi reali ħafna. Jista’ jiġrilna hekk minħabba l-pressjoni tal-oħrajn. Hu bl-għajnuna ta’ Alla li nistgħu nkomplu mexjin bil-kuraġġ u bil-perseveranza, qalb id-diffikultajiet u l-ostakli tal-ħajja. Il-ħarsa tagħna lura hi biss biex nitgħallmu minn dak li nkunu għaddejna minnu, mhux biex nerġgħu lura għal dak li jeħodna ’l bogħod minn Alla.
Nitolbu lill-Mulej illum: saħħaħ fina l-konvinzjoni fil-fidi, agħmilna dixxipli li nilqgħu lilek f’qalbna, u għinna biex nagħtu xhieda tiegħek bla biża’, u nkomplu nkunu dixxipli tiegħek u miegħek sal-aħħar.