Fil-ħames snin li ili nattendi dan iċ-ċentru, rajt iċ-ċentru jinbidel minn grupp żgħir ta’ għaxar żgħażagħ għal ċentru ta’ tliet gruppi ta’ etajiet differenti, li f’daqqa jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 80 persuna – Nathaniel Pio Scicluna, 17-il sena, membru u leader f’ŻAK Birkirkara.
Matul dawn l-aħħar ħames snin sar xogħol estensiv fuq iċ-ċentru taż-żgħażagħ San Ġwakkin f’Birkirkara. Iċ-ċentru jilqa’ fih tliet gruppi ta’ żgħażagħ minn 13-il sena ’l fuq: grupp ta’ membri li twieldu fl-2001/2, ieħor tal-2004/5 u ieħor tal-2006/7. Fiċ-ċentru jiġu organizzati laqgħat ta’ kull ġimgħa u diversi attivitajiet.
Ix-xogħlijiet jinkludu tneħħija ta’ palk tal-konkrit li kien fi stat ikkundannat fil-bitħa, installazzjoni ta’ salib tal-injam fil-bitħa, installazzjoni ta’ kċina, membrane ġdid fuq il-bejt, installazzjoni ta’ sistema tal-elettriku ġdida, u tindif u żbarazzar tal-post kollu.
Dan il-ħafna xogħol sar bis-saħħa ta’ ħafna benefatturi, sponsors, attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi matul is-snin, għajnuna finanzjarja mill-Azzjoni Kattolika Maltija, u ħidma kontinwa ta’ ħafna żgħażagħ f’dan iċ-ċentru.
Bħalissa qed isir it-tibjid u t-tikħil tas-sular sħiħ ta’ fuq u f’dawn l-aħħar jiem ġiet approvata l-applikazzjoni għall-installazzjoni ta’ 12-il pannella solari. Din se tiġi installata bla ħlas, permezz tal-iskema għall-għaqdiet volontarji, li tnediet is-sena l-oħra mill-Ministeru tal-Enerġija. Xogħol ieħor fil-futur qarib hu r-restawr tal-faċċata u tal-gallarija, rinnovament tat-toilets, tkompli r-rinnovament tas-sular t’isfel u tal-bitħa.
Kull min jixtieq jgħin finanzjarjament jista’ jibgħat fuq [email protected]. Kull tip ta’ għajnuna hi apprezzata.