-
-
Wara sentejn għix ‘il bogħod minn martu u minn bintu li qatt ma ra, Gnagbo Maxime Ani, missier mill-Kosta tal-Ivorju, reġa’ ngħaqad mal-familja li tinsab f’Malta.
Gnagbo Maxime Ani, flimkien ma’ martu, Ester Mohiri Zepre, li kienet qed tistenna tarbija, fit-2 ta’ April 2015, kienu fost grupp ta’ migranti li qasmu b’dgħajsa mil-Libja għall-Ewropa. Waqt il-vjaġġ, feġġew ċirkustanzi li minħabba fihom Ester ġiet elevata b’ħelikopter u mwassla l-Isptar Mater Dei, f’Malta. Żewġha baqa’ sejjer l-Italja u minn hemm mar Franza.
Nhar it-30 ta’ Mejju, 2015, fl-Isptar Mater Dei, Ester welldet tifla li ngħatat l-isem ta’ Julie. Wara, Ester, flimkien ma’ bintha, ġew mogħtija kenn fid-Dar għar-Refuġjati, immexxija mill-Kummissjoni Emigranti, fil-Bon Pastur, Ħal Balzan.
Nhar id-29 ta’ Marzu, 2017, il-Kummissjoni Emigranti ġiet infurmata li Gnamro Maxime Ani kiseb status ta’ refugjat fi Franza u b’hekk id-dritt li japplika għar-riunifikazzjoni tal-familja tiegħu.
Peress li l-applikazzjoni trid iż-żmien tagħha biex tiġi deċiża, Gnagbo Maxime Ani ddeċieda li jieħu xi jiem leave mix-xogħol tiegħu fi Franza biex jiġi Malta ħalli jara lil bintu għall-ewwel darba u jiltaqa’ wkoll ma’ martu wara sentejn mifrudin minn xulxin.
L-arranġamenti biex il-missier jiġi Malta saru mill-Kummissjoni Emigranti bil-koperazzjoni tal-Ambaxxata Franċiża f’Malta.
Ritratt: Ian Noel Pace