Is-Sena Ġużeppina 2020-2021, imnedija mill-Papa Franġisku permezz tal-Ittra Appostolika Patris Corde, waslet fi tmiemha. Din l-ittra tmiss ma’ seba’ temi mill-ħajja tal-maħbub San Ġużepp.

Permezz ta’ Behold, li hu proġett ta’ Pastorali Bibblika u Liturġika fi ħdan il-Vigarjat għall-Evanġelizzazzjoni, tħejjew sensiela ta’ filmati marbuta ma’ dawn it-temi flimkien mal-Isqfijiet Maltin, li rriflettew dwar is-seba’ temi għall-Knisja f’Malta u Għawdex.

San Ġużepp hu bniedem bħalna li jsofri, imma hu wkoll raġel ta’ ħniena kbira, li jilqa’ r-rieda tal-Missier b’kuraġġ u fedeltà. Hu raġel reżiljenti, kreattiv permezz ta’ ħidmietu u tassew missier li jħobb. Għalhekk, San Ġużepp hu mudell għalina lkoll, speċjalment għal missirijiet kollha. Nirriflettu fuq il-ħajja ta’ San Ġużepp, missier addottiv ta’ Ġesù, speċjalment tul l-istennija tal-Avvent.


L-ewwel riflessjoni dwar Patris Corde tal-Papa Franġisku hi mill-Arċisqof Mons. Charles Scicluna fuq it-tema Ġużeppina ‘Bniedem Bħalna’. L-Arċisqof Scicluna jaqsam il-ħsibijiet tiegħu dwar in-nisel ta’ Ġużeppi mis-Sultan David, u jekk dan il-fatt għandux relevanza storika biss. Jikkummenta wkoll dwar id-devozzjoni twila lejn San Ġużepp fil-Gżejjer Maltin.


Għal iktar tagħrif dwar Behold, żur il-paġna ta’ Facebook jew Instagram, fejn tista’ ssib akkumpanjament fit-talb kuljum. Agħfas hawn biex tinkiteb fin-newsletter li tintbagħat darba fil-ġimgħa bi tħejjija għall-Ħadd. Tista’ tibgħat il-mistoqsijiet u s-suġġerimenti tiegħek fuq [email protected].