L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
San Ġiljan hu qaddis li ħalla impressjoni kbira tul is-snin. Jingħad li f’Malta d-devozzjoni lejh bdiet fis-seklu 15. Għalkemm ma nafux ħafna dettalji storiċi fuq ħajtu, ħajtu hi espressa f’diversi poeżiji, pitturi u rappreżentazzjonijiet artistiċi oħra, speċjalment fil-Medju Evu. Fi Franza, fil-Katidral ta’ Rouen, u fil-Katidral ta’ Chartres, hemm ħġieġ bl-istained-glass sbieħ ħafna bl-istorja ta’ ħajtu.
X’ninnutaw f’dan kollu? Li fejn ħajtu hi rappreżentata artistikament, għandna kollox: il-kruha u s-sbuħija, id-dnub u l-ħniena ta’ Alla, il-mewt u l-ħajja. Ebda storja fuqu ma tipprova tneħħi dak li kien ħażin, imma turi kif ħajtu hi mixja fejn il-ħażin jinfeda bl-imħabba.
Nixtieq li nislet minn ħajtu dawn l-erba’ punti għar-riflessjoni tagħna aħna u niċċelebraw illum il-festa ta’ San Ġiljan, kif tassew jixraq.
Vittma tal-għawi
San Ġiljan kien vittma tal-għawi li ħarbat lil ħajtu. Kien jgħix ħajja trankwilla ma’ martu. Naqraw li meta l-ġenituri tiegħu kienu marru jfittxuh u waslu fil-provinċja fejn kien jiggverna, ma sabux lilu imma sabu lil martu li b’ospitalità offritilhom il-kamra tagħha u ta’ Ġiljan biex jistrieħu.
Żdiedu wkoll il-modi sofistikati kif tqarraq bin-nies – rajniehom anke reċenti bl-użu, li verament hu ta’ min jikkundannah, ta’ siti foloz li jxerrdu aħbarijiet foloz u li jagħmlu ħsara.
Imma kien hemm xi ħadd li fesfes f’widnejn Ġiljan li martu kienet daħħlet raġel ieħor fil-kastell. Kien dan it-tfesfis li tant fixel u rrabja lil Ġiljan, li meta wasal fil-kastell, daħal, ra mara u raġel fil-kamra tiegħu, emmen dak li kien sema’, u qatilhom fil-pront. Ma kinitx martu ma’ raġel ieħor, imma kienu ommu u missieru.
Hekk jagħmel il-kliem ta’ tfesfis u ta’ qerq li jġib tant ħsara fostna. Kultant hu r-rovina fil-familji tagħna, kultant jeqred il-ħajja ta’ persuni. Illum naraw dan l-għawi fi kliem li jagħmel tant ħsara anke fuq il-mezzi soċjali. Żdiedu wkoll il-modi sofistikati kif tqarraq bin-nies – rajniehom anke reċenti bl-użu, li verament hu ta’ min jikkundannah, ta’ siti foloz li jxerrdu aħbarijiet foloz u li jagħmlu ħsara. Din hi tal-mistħija!
Għalhekk l-ewwel talba lil San Ġiljan hi biex jgħinna ma nkunux vittmi ta’ dak li hu fake, dak li hu falz, dak li l-iskop hu li jagħwina kontra l-oħrajn u li jnissel mibegħda, għira, diviżjoni. Ma nħallux min iqarraq bina.
Vittma tal-kultura tal-mewt
San Ġiljan kien ukoll vittma tal-kultura tal-mewt. Għamel delitt tassew ikrah: qatel lil ommu u missieru. Taħsibha u tgħidha biss, titkexkex. Aħseb u ara tagħmilha! Kien hemm min qarraq bih, min irrabjah, ma baqax jirraġuna. Qabad u qatel lil min ħaseb hu li ttradixxa l-imħabba, imma fil-fatt qatel lil dawk li kienu ddedikaw ħajjithom bi mħabba lejh.
X’għamel San Ġiljan wara dan id-delitt? Seta’ faċilment qata’ qalbu u waqa’ f’disperazzjoni. Kważi kienet tiġi naturali meta ntebaħ b’dak li ġara. Imma San Ġiljan għaraf li hu kien vittma mhux biss tal-għawi imma tal-kultura tal-mewt, li ġġiegħel lill-bniedem ma japprezzax il-valur tal-ħajja. Għalhekk kif daħal, qabad u qatel – dik hi l-mentalità tal-kultura tal-mewt. Il-ħniena ta’ Alla għenitu biex jibda jiddedika ħajtu ħa jsalva l-ħajja tal-oħrajn.
X’naraw f’dan? Fil-kruha ta’ dak li ġara fil-ħajja ta’ San Ġiljan nagħrfu l-kruha tal-kultura tal-mewt. Nagħrfu kemm hu importanti li naħdmu biex noħolqu soċjetà li tgħożż il-ħajja. Hekk għamel San Ġiljan li ddedika ħajtu biex isalva l-ħajja tan-nies. Għandna naħdmu biex immexxu ’l quddiem mentalità favur il-ħajja, li tgħożż il-ħajja, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta hemm diġà xi ħadd mhux xi ħaġa, sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha. Jekk int tgħożż il-ħajja, qatt m’inti se taħseb f’modi kif ittemm il-ħajja, imma taħseb biss kif tiddefendi l-ħajja.
Xhud tal-ħniena ta’ Alla
San Ġiljan hu xhud tal-ħniena ta’ Alla. Għamel dnub tassew ikrah, delitt faħxi. Imma ma baqax imwaħħal hemm. Iddeċieda li jaċċetta, jilqa’ l-ħniena u l-grazzja ta’ Alla, u jiddedika ħajtu jpatti bis-serjetà għal dak li kien għamel.
Ilkoll irridu naħdmu biex il-ħabs ikun għalihom esperjenza ta’ riforma mhux esperjenza ta’ disperazzjoni, biex ikun esperjenza fejn jimxu mid-dlam għad-dawl, mhux mid-dlam għall-abissi tad-dlam.
San Ġiljan hu xhud tal-Mulej li l-akbar attribut tiegħu hi l-ħniena. Alla dejjem lest jaħfer, u bil-maħfra tiegħu jgħin lill-bniedem jaċċetta li għamel ħażin, jindem, jibda ħajja ġdida ta’ riforma. Hu messaġġ tant sabiħ għalina, biex qatt ma naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla. Hu dejjem jistenniena, dejjem iridna lura, jixtieq li bil-qawwa tiegħu jittrasformana u jirriformana.
Għalhekk, għandna ngħinu wkoll lill-bniedem, għamel x’għamel f’ħajtu, biex jerġa’ lura lejn il-Mulej. San Ġiljan ma jidhirx li għadda żmien il-ħabs, imma Ġesù fl-Evanġelju jsemmi lil dawk li qegħdin fil-ħabs. Niftakar f’dawk li huma fil-ħabs u qed jiskontaw il-piena ta’ dak li għamlu. Ilkoll irridu naħdmu biex il-ħabs ikun għalihom esperjenza ta’ riforma mhux esperjenza ta’ disperazzjoni, biex ikun esperjenza fejn jimxu mid-dlam għad-dawl, mhux mid-dlam għall-abissi tad-dlam.
Jagħraf il-wiċċ ta’ Kristu fil-fqir
San Ġiljan għaraf il-wiċċ ta’ Kristu fil-fqar. Meta ddeċieda li jpatti għal dak li għamel, hu ċaħad it-titli u l-pożizzjoni tiegħu, u sar fqir fost il-fqar. Għamel atti ta’ ħniena u ta’ karità. Bata fuq li bata biex ipatti għad-delitt proprju bl-imħabba sħiħa tiegħu.
Kien jara wiċċ Kristu fil-fqir. Dak li smajna fl-Evanġelju skont San Mattew hu wettqu fil-prattika, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu għall-kura tal-morda u tal-fqar. Fl-istorja tiegħu, tissemma kif hu u martu bdew jgħinu lill-vjaġġaturi jaqsmu x-xmara bid-dgħajsa. Kien iżur il-morda fi djarhom, ifarraġhom, jgħinhom mill-aħjar li jista’. Ħadem biex jibni sptar għal dawn il-morda.
F’dan kien jixbah tassew lil Ġesù, li wriena b’ħajtu u qalilna li bin il-bniedem ma ġiex fid-dinja biex ikun moqdi imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. San Ġiljan jgħallimna ngħixu l-kliem ta’ Ġesù: “dak kollu li għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” Irrid ngħid: smajna kliem Ġesù fl-Evanġelju. Importanti li nilqgħu kliemu u ma niċċensurawhx. It-traġedja li għadha tiġri kontinwament fil-Mediterran, meta nies tad-demm u l-laħam bħalna jispiċċaw jegħrqu jew ikunu vittmi ta’ tortura, ma tistax tħallina nħarsu n-naħa l-oħra u kuntenti li m’aħniex naraw. Iktar u iktar meta niċċelebraw lil San Ġiljan li ħadem kemm felaħ biex isalva lin-nies biex huma ma jegħrqux fix-xmara.
Ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-fqir u għall-batut. Hi responsabbiltà tagħna lkoll bħala dixxipli ta’ Kristu. Aħna msejħin biex inkunu għan-nies dawk li nagħtuhom il-faraġ u l-kuraġġ, u biex bħal San Ġiljan inwasslulhom l-imħabba ta’ Alla. Illum nitolbu ħafna lil San Ġiljan, ispirati mill-ħajja tiegħu mqallba imma li hu għamel minnha mixja ta’ konverżjoni, biex ma nkunux vittmi tal-għawi u tal-kultura tal-mewt, imma bħalu nkunu xhieda tal-ħniena u l-maħfra ta’ Alla, u li naraw wiċċ Kristu fil-fqir u f’dawk li qed ibatu, konxji li dak kollu li nagħmlu mal-iżgħar fost ħutna nkunu qed nagħmluh ma’ Kristu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju