L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Intom għad tibku u tingħu” (Ġw 16:20). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu. Qegħdin hawnhekk fl-Aħħar Ċena, u Ġesù qed jara diġà l-esperjenza iebsa tal-passjoni u l-mewt, u kif din kienet se tkun trawma għad-dixxipli. Għalhekk qalilhom: “Intom għad tibku u tingħu”. Nixtieq li nħarsu lejn dan li jgħid Ġesù hawnhekk, u kif il-kliem tiegħu, filwaqt li hu dejjem realistiku, hu kliem li jagħti tama, tama vera. 

Fil-fatt, lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom li għad jibku u jingħu. Dan għaliex Ġesù qatt ma ħeba r-realtà lid-dixxipli, dejjem qal il-verità. Żgur li ma ħadux gost jisimgħu kliem bħal dan, imma Ġesù l-kliem tiegħu mhux sempliċiment biex qisu jagħti gost lilhom, imma biex jgħidilhom il-verità kif inhi: “intom għad tibku u tingħu”. Dan ifakkar lilna wkoll li fil-ħajja tagħna ngħaddu minn tbatija. Ġesù qatt ma qalilna: m’intomx se tbatu. Anzi qalilna: “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jien irbaħt id-dinja!” (Ġw 16:33) Għax Ġesù  jridna nkunu nafu li se ngħaddu minn tbatija: tista’ tkun tbatija personali, tista’ tkun il-familja tagħna, jew minħabba mard. Jista’ jkun nies li jfixkluna fil-ħajja tagħna, nies li jagħmlulna ħajjitna diffiċli. Hemm tant forom differenti ta’ tbatija li ngħaddu minnha. Ġesù javżana b’mod ċar, bħalma qal lid-dixxipli tiegħu, li se ngħaddu minn tbatija.

Imbagħad Ġesù jgħid ukoll li, filwaqt li huma għad jibku u jingħu, “id-dinja għad tifraħ” (Ġw 16:20). Mela t-tbatija hija akbar. Għax mhux qed tbati, u kulħadd qiegħed miegħek fit-tbatija. Ġesù qed jgħid: id-dinja għat-tifraħ. Hemm dan il-kuntrast. Ġesù ried ikun ċar mad-dixxipli kemm ħafna drabi hemm kuntrast bejn il-valuri tal-Evanġelju, il-valuri tas-Saltna, u dak li jimxu bih in-nies, li ħafna drabi jkun kontra l-valuri tal-Evanġelju. Għalhekk hemm dan il-kuntrast, u Ġesù jridna nkunu konxji tiegħu, ċari. Hi tbatija li mhux biss inġorruha aħna imma wkoll minħabba dal-kuntrast li jkun hemm madwarna.

Imma mbagħad Ġesù jgħid: “għad iġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” (Ġw 16:20). Innutaw kif Ġesù, meta jitkellem fuq in-niket, ma jiqafx hemm; meta jitkellem fuq it-tbatija, ma jiqafx hemm. Imma jgħid: “in-niket għad jitbiddel f’hena”. Hawn Ġesù qed jgħid minn xiex se jgħaddi hu nnifsu: li wara l-Ġimgħa l-Kbira se jkun hemm l-Għid. Din hi l-hena ta’ wara n-niket. Biex iktar jifhmu d-dixxipli, jġib l-eżempju ta’ mara li se jkollha tarbija, tkun se tiled. Jgħid li “tħossha mdejqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja” (Ġw 16:21). Kemm hu sabiħ dan l-eżempju meta Ġesù jsemmi kemm il-ħajja ġdida ġġib ferħ! Anke jekk il-mara taf li kellha diġà l-ħajja fiha nnifisha, mill-ewwel mument tat-tnissil tat-tarbija, imma mbagħad meta titwieled, jaraha kulħadd, iġġib ferħ fost kulħadd. U qed jgħid: din hi l-hena li tiġi wara n-niket, il-qawmien li jiġi wara l-mewt, il-ħajja ġdida li ġġib il-ferħ, li ġġib tassew l-hena għalih u għad-dixxipli tiegħu.

Hu għalhekk li l-aħħar kliem ta’ Ġesù hu fuq il-ferħ, meta jgħid: “Għad nerġa’ narakom, u qalbkom  tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:22). Ġesù qed jgħid li l-ferħ li jagħtina hu ma jiddependix miċ-ċirkostanzi tal-ħajja, imma hu ferħ li jiġi fil-qalb tagħna minħabba l-grazzja li jagħtina hu, li mbagħad tgħinna biex negħlbu l-mumenti ta’ tbatija, ma nibqgħux imwaħħlin fihom, ma nibqgħu taħthom, imma ngħaddu mit-tbatija għal ħajja ġdida permezz tal-ferħ li jagħtina hu. Meta jgħid hekk Ġesù, mhijiex sempliċiment kwestjoni ta’ ottimiżmu, jew li tagħmel tabirruħek li kollox ġej tajjeb; mhux hekk, imma hemm din it-trasformazzjoni, il-bidla, li ġġib il-grazzja tiegħu meta aħna ngħaqqdu t-tbatija tagħna mal-għajnuna tiegħu, mal-imħabba tiegħu, u din iġġib ferħ f’qalbna. 

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li aħna nagħrfu dan. Fil-mumenti diffiċli, meta nħossuna abbandunati jew imweġġgħa jew imwarrba jew għaddejjin minn tbatija, ngħaqqdu t-tbatija tagħna mat-tbatija tiegħu b’din it-talba: li l-Mulej jittrasforma dan, u jgħinna biex ikollna ħajja ġdida, u jżommna dejjem bil-ferħ tiegħu f’qalbna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta